Jekk ma ninqalgħu għal xejn aħna l-Maltin, żgur li ħadd ma jirbħilna biex nippruvaw insibu tarf ta’ kollox … inkluż tar-regoli tas-sawm u l-astinenza matul ir-Randan! L-aqwa li ma nagħmlux dnub, ħalliha li nkunu qed nippruvaw nidħqu bina nfusna—kieku nistgħu anke b’Alla nidħqu, imma daqsxejn diffiċli. Mhux ta’ b’xejn waħda mit-taqbiliet tagħna għar-Randan hija: “Karamelli tal-ħarrub, min jikolhom ma jagħmilx dnub!”

Il-karamelli għandhom forma kwadra ta’ madwar pulzier kwadru u jissejħu tal-ħarrub proprju għax fl-imgħoddi kienu jsiru bil-ġulepp tal-ħarrub. Illum ġieli jsiru miz-zokkor ikkaramellizzat fuq in-nar. Imma għalfejn min jikolhom ma jagħmilx dnub, anke jekk fi ġranet ta’ astinenza? Kontra dak li naħsbu, il-liġi tal-astinenza titlob biss li ma jittikilx laħam u ma tgħid xejn dwar ħelu u zokkor.

L-istess jgħodd għall-kwareżimal. Qabel il-Kostituzzjoni Appostolika Paenitemini tal-Papa San Pawlu VI, il-liġi tal-astinenza ma kinitx biss teskludi l-laħam, imma lanqas setgħu jiġu kkunsmati prodotti oħra tal-annimali, bħal bajd, prodotti magħmulin mill-ħalib, jew mix-xaħam tal-annimali. Illum kieku ngħidu kellhom joqogħdu fuq dieta vegana! Il-kwareżimal kien joffri xorta waħda xi ħaġa tajba mingħajr ma jintuża xejn minn dak li kien projbit, għax l-ingredjenti huma lewż mitħun imħallat mad-dqiq, ftit qxur tal-kannella, u ftit ilma żahar u għasel.

Anke l-karamelli tal-ħarrub ma fihom xejn minn dawn il-prodotti msemmija. Għalhekk ngħidu li min jiekol il-karamelli ma jagħmilx dnub—għalkemm ma naħsibx li d-dentisti huma tal-istess opinjoni …

Forsi ċerti regoli narawhom li m’għadhomx relevanti jew jagħmlu sens. Fl-istess ħin, mhuwiex sinjal ta’ fidi vera jekk nikkuntentaw ruħna biss b’li ma nagħmlux dnub. X’ħasra tkun jekk neħlu hawn u ma nimxux ’il quddiem u nagħrfu fis-sawm u l-astinenza possibbiltà biex inrawmu fina nfusna fipendenza fuq Alla waħdu għax mill-bqija mingħajr kollox nistgħu ngħaddu—anke mill-ħelu u l-laħam. Imma mingħajru ma nistgħux!