Ma nafx lilkom, imma lili dejjem qabbditni kurżità l-medaljun bi xbieha ta’ Ġesù mdendel ma’ għonq San Ġuda f’ħafna mix-xbihat tiegħu. Dan l-element fl-ikonografija ta’ San Ġuda għandu l-għeruq f’leġġenda antika ħafna, li tal-anqas tmur lura għar-raba’ seklu fil-bidu tal-Knisja, kif insibuha rrakkuntata minn San Ewsebju ta’ Ċesarija (Historia Ecclesiastica, 1.13).

Jingħad li r-Re Abgar ta’ Edessa (belt fit-Turkija tal-lum) kien marid u, meta sema’ bil-fama ta’ Ġesù, bagħatlu ittra biex jitolbu l-fejqan, filwaqt li joffrilu li jmur għandu biex jaħrab minn dawk li riedu joqtluh. Għalkemm irrifjuta li jmur għax ma riedx jaħrab minn dak li għalih kien mibgħut mill-Missier, Ġesù tant impressjona ruħu bil-fidi ta’ dan ir-re li mesaħ wiċċu f’maktur fejn ħalla xbieha ta’ wiċċu mmarkata fuqu u bagħatdan il-maktur lis-Sultan Abgar, filwaqt li wiegħdu li wara li jkun għadda mis-siegħa tiegħu u jiġi merfugħ ’il fuq, kien ser jibgħtlu wieħed mid-dixxipli tiegħu. Meta ra din ix-xbieha, ir-re poġġiha b’qima kbira f’waħda mis-swali tal-palazz tiegħu.

Waħda mill-verżjonijiet ta’ din il-leġġenda tkompli li, wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, ġie mibgħut Taddew (San Ġuda l-Appostlu) għand ir-Re Abgar ta’ Edessa, kif kien wiegħdu Ġesù. U San Ġuda poġġa jdejh fuq ir-Re u dan ġie mfejjaq bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù. Mgħaġġeb b’dan, ir-Re kkonverta għall-fidi nisranija, hu n-nies kollha tas-saltna tiegħu.

Għalkemm ma nafux jekk seħħitx b’mod storiku jew le, żgur li wara dan ir-rakkont hemm moħbija il-verità mill-iktar importanti li dawwlet il-ħajja ta’ dan l-Appostlu qaddis, u ddawwal l-għixien tagħna tas-sejħa tagħna bħala nsara. San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin, jikteb hekk:

Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.

2 Kor 3, 18

Maħluqin xbieha ta’ Alla u magħmulin uliedu fil-magħmudija, bħal dak il-maktur fir-ruħ tagħna aħna għandna mmarkata x-xbieha ta’ Kristu, xbieha li tagħtina l-identità u d-dinjità tagħna. Però magħha din ix-xbieha ġġib ukoll responsabbiltà. Bħal San Ġuda, aħna mibgħuta biex “b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej.” Aħna msejħin biex, wara li nħallu l-ħniena ta’ Alla titferra’ fi qlubna, aħna wkoll nersqu lejn ħutna u naqsmu magħhom din il-ħniena, inwasslulhom il-fejqan li ġġib biss il-laqgħa ma’ Kristu msallab u rxoxtat. U ħafna drabi l-Mulej jinqeda bina biex, bħal San Ġuda, wara li nkunu ħallejna d-dija ta’ wiċċ il-Mulej taqa’ fuqna u tibdilna f’xebh ikbar miegħu, aħna ndawru ħarsitna lejn l-oħrajn u nkunu strumenti f’idejn il-Mulej biex fuqhom ukoll jiddi d-dawl tiegħu, iħares lejhom b’ħarsa ta’ mħabba, permezz tal-ġesti konkreti ta’ mħabba, permezz ta’ kelma ta’ ġid, permezz tas-skiet kollu mħabba li lest li jisma’, permezz ta’ ħin li niddedikaw lill-oħrajn.

Bl-interċessjoni ta’ San Ġuda Taddew, nitolbu l-grazzja biex inħallu x-xbieha ta’ Kristu minquxa fina tittrasformana dejjem iżjed f’xebh ikbar miegħu ħalli, imqar permezz tal-ħarsa u tat-tbissima tagħna, “b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej” fuq id-dinja u fuq ħutna l-bnedmin fi żminijietna wkoll.