Fil-kotba tal-Eżodu u tan-Numri, Ġożwè huwa ppreżentat bħala assistent ta’ Mosè. Ġożwè huwa wieħed mit-tnax-il spija li Mosè jibgħat biex jiskopri l-art ta’ Kangħan: “Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: ‘Ibgħat xi rġiel jitkixxfu l-art ta’ Kangħan li jien se nagħti lil ulied Iżrael. Ibgħat wieħed minn kull tribù ta’ missirijiethom. Ilkoll mill-kapijiet fosthom’” (Num 13, 1-2). Dawn damu fl-art ta’ Kangħan erbgħin jum b’kollox u marru lura għand Mosè b’aħbar: “‘Morna fl-art li intom bgħattuna nitkixxfu, u tassew tnixxi ħalib u għasel; u dan hu l-frott tagħha; iżda n-nies li joqogħdu fiha huma nies ta’ saħħa, u l-ibliet magħluqa bis-swar u kbar ħafna. Hemm rajna ’l ulied Għanak; l-Għamalekin li jgħammru fin-Negeb; il-Ħittin, il-Ġebusin, l-Amurrin li jgħammru fuq l-għoljiet; u l-Kangħanin li jgħammru n-naħa tal-baħar u max-xtut tal-Ġordan’”(Num 13, 27-29). Apparti Kaleb u Ġożwè, l-ispiji l-oħra ma ridux immorru f’din l-art, iżda pesta ħakmet lill-poplu u l-ispiji kollha ħlief Ġożwè u Kaleb mietu.
Skont rakkont Rabbiniku (Mishnah Taanit 4, 6) fil-festa Lhudija Tisha B’Av , il-poplu Lhudi jsum bħala riparazzjoni għad-dnubiet kbar li għamel fil-passat. Wieħed minn dawn id-dnubiet il-kbar kien ta’ dawn l-għaxar spiji l-oħra ppruvaw ixekklu l-pjan ta’ Alla li jwassal lill-poplu Lhudi fl-art li kien wegħidhom.
Wara l-mewt ta’ Mosè, Ġożwè kien magħżul biex imexxi lill-poplu f’din l-art. Infatti l-ktieb ta’ Ġożwè jibda hekk: “Wara l-mewt ta’ Mosè, il-qaddej tal-Mulej, il-Mulej qal lil Ġożwè bin Nun, il-qaddej ta’ Mosè: ‘Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu ta’ Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom’” (Ġoż 1, 1-2).