Fis-salm tal-Ħames Ħadd tar-Randan (Salm 125[126]) tlabna lill-Mulej biex:

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Salm 125, 4

Dan is-salm huwa salm ta’ ringrazzjament! Il-Mulej ħareġ lill-poplu ta’ Iżrael mid-deżert tal-iskjavitu, għal-libertà tal-art li tnixxi l-ilma. Kif jirrakkonta Isaija:

Xmajjar ta’ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja, u għejun f’nofs il-widien. Nibdel id-deżert f’għadira ilma, u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma. Inxettel iċ-ċedri fid-deżert, il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ; intella’ ċ-ċipress fix-xagħri, u magħhom id-dolf u l-bux; biex hekk jaraw u jagħrfu, jaħsbu u jifhmu wkoll, li id il-Mulej għamlet dan, u l-Qaddis ta’ Iżrael ħalqu.

Is 41, 18-20

Għalfejn is-salmista jitlob lil Alla jbiddel ix-xorti tagħhom bħall-“widien tan-Negeb”? L-ewwel tliet versi jirreferu għar-ritorn ta’ Alla fil-passat, waqt li fir-raba’ vers insibu bidla għall-preżent u għall-futur.

Il-widien tan-Negeb huwa widien fin-naħa ta’ isfel ta’ Iżrael. Għalkemm huma viċin ħafna tad-deżert, meta tagħmel ix-xita dawn malajr jimtlew. Fi studji arkeoloġiċi li saru f’dawn in-naħat sabu li kien hemm sisteni mibnija min-nies ta’ dak iż-żmien biex, minn dawn il-widien, jiddirezzjonaw l-ilma biex imur fl-irħula tan-nies fil-viċinanzi. L-ilma kien neċessità enormi għall-għixien tan-nies, u għalhekk is-salmista qed jitlob li Alla jerġa’ jibgħat dak l-ilma tax-xita li kien ifawwar il-widien.

Il-poeta qed jesprimi l-ħsieb tiegħu permezz ta’ simboliżmu agrikolu u ġeografiku. L-istorja tas-salvazzjoni Lhudija tixhed li l-istorja ta’ Iżrael hi bħall-istaġuni li fiha mumenti kemm ta’ nixfa kif ukoll ta’ ħsad. Il-komunità fl-eżilju kienet bħad-deżert, iżda tista’ wkoll terġa’ tagħti l-frott tagħha bis-saħħa tal-ilma tal-Mulej. Dak li jitlob is-salmista fil-ħames vers: “Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana ta’ ferħ,” insibuh f’dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24). Dan il-kliem mimli simboliżmu juri kif fl-aħħar mill-aħħar huwa Alla li jmexxi l-istorja.