L-istoriku Ewsebju ta’ Ċesarija jirrakkonta kif Santa Elena, ta’ tmenin sena, imxiet f’pellegrinaġġ minn Ruma sal-Palestina. Dan il-pellegrinaġġ San Ambroġ isejjaħlu l-‘pellegrinaġġ ta’ omm anzjuża’. Santa Elena bniet diversi mkejjen qaddisa matul dik it-triq. Il-mixja ta’ Elena ġġiegħel lil wieħed jaħseb mhux biss fil-vulnerabbiltà li din il-mara setgħet ġarbet iżda fil-fatt li l-pellegrin kien jimxi f’postijiet li għalih kienu ġodda, u li fihom ma kienx jaf ma’ xiex sejjer jiltaqa’.
Wieħed jista’ jaħseb li l-idea tal-pellegrinaġġ kienet proprju dwar din l-esperjenza ta’ vulnerabbiltà ta’ post, iżda kienet dwar li wieħed iħalli s-sigurtajiet tiegħu biex jiltaqa’ miegħu nnifsu aktar. Il-persuna kellha tħalli warajha l-Jien il-qadim u tifforma Jien ieħor ġdid u aħjar minn dak li kien diġà qabel.
Din l-idea tal-pellegrinaġġi mhijiex għal kollox Kristjana: tista’ tgħid li bosta stejjer mitoloġiċi juruna kif, mal-bidla fil-ġografija fejn wieħed ikun jgħix, kienet tiġi bidla għall-aħjar tal-persuna. Hekk naqraw kif bosta kienu jterrqu fi vjaġġi lejn diversi orakli bħal dawk ta’ Delfi u Dedona għall-parir, inkella għal xi forma ta’ kura. Fil-mitoloġija Griega niltaqgħu mal-vjaġġ ta’ Orfew u kif dan niżel fl-abbiss tal-infern biex hemm issib il-maħbuba tiegħu Ewridiċe. Hija ġdida u qadima, min-nofs il-ħamsinijiet sal-aħħar tas-sebgħinijiet, bosta żgħażagħ, eżempju, milquta mill-ideali tagħhom, kienu jitilqu minn Malta u jmorru lejn l-Indja biex hemm jimxu fuq dawk li kienu jissejħu hippie trails.
Il-mistoqsija naturali iżda tibqa’: fil-kontemporanjetà tagħna, x’sens jagħmel li wieħed jagħmel pellegrinaġġ? Il-ġografu Timoth Erik Storm, mingħajr ma tkellem dwar pellegrinaġġi, fisser kif Google Maps biddel l-idea taċ-ċentru tad-dinja minn post bħal il-Muntanja Meru jew Ruma, għar-relazzjoni bejn il-persuna u l-postijiet li hemm madwarha. L-isfida tal-fidi iżda tibda proprju f’din ir-realtà: proprju għax wieħed tilef din l-iskumdità li jkun stranġier f’belt oħra minħabba li issa minn qabel jista’ jagħraf fejn hu sejjer, ħaddan attitudni ġdida li forsi jaħseb li tista’ tagħtih risposta għal kollox. Iżda huwa proprju hawn, fil-kumdità l-ġdid, li l-pellegrinaġġ ma jitlobx biss post li wieħed ma jafx iżda fuq kollox attitudni. Huwa Seneca, il-filosfu Rumana, li jtenni fl-ittri tiegħu lil Lucillius kif mhijiex il-bidla fl-ambjent li wieħed għandu bżonn iżda bidla fl-attitudni.
Il-Ħadd, 26 ta’ Frar, l-Ewwel Ħadd tar-Randan, fl-4:15 p.m., mill-Knisja ta’ Ħaż-Żabbar jitlaq pellegrinaġġ bis-sehem tal-Arċisqof, magħruf bħala ta’ Ħadd in-Nies, li ilu jsir diversi sekli. Huwa pellegrinaġġ li mxewh ħafna li llum ma għadhomx magħna iżda pellegrinaġġ li, b’attitudni tajba, jista’ jwassalna għand Ġesù permezz ta’ Marija.