Il-maltemp, ir-riħ u l-qilla tal-mewġ li jissabbat mal-blat ta’ dawn l-aħħar jiem, minnhom infushom diġà bla ma trid idaħħluk fir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna. U, fi gżira imdawra bil-baħar minn kullimkien u l-mewġ jitla’ għaliha, ir-raxx mielaħ jherri l-ġebla-sponża tagħna sa kilometri ’l bogħod mill-kosta, b’xi mod nistħajjel li aħna lkoll baħħara fuq dan il-ġifen. U din ix-xbieha tikkonfrontana biex nagħżlu ma’ liema kategorija ta’ nies irridu nkunu fuq dan il-ġifen li hu Malta.

Se nkunu ma’ dawk li jieħdu r-responsabbiltà ċivili u politika tagħhom bis-serjetà bħaċ-Ċenturjun, jew ma’ dawk li lesti jinqdew bil-poter tagħhom anke jekk ifisser li jwettqu inġustizzji u jisirqu ħajjiet bla rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, ħażin kemm hu ħażin?

Se nkunu ma’ dawk li jagħżlu li jkunu kommessi sal-aħħar lejn id-doveri tagħhom u li x-xogħol għalihom hu missjoni u jagħtihom dinjità, hu x’inhu x-xogħol, jew bħall-baħrin tal-ġifen ta’ Pawlu li, flok jaffaċjaw il-maltempata b’responsabbiltà lejn l-oħrajn, ippruvaw jaħarbu?

Se nkunu skjavi-qaddiefa li kienu ddisprati u forsi l-mewt kienet soluzzjoni eħfef għalihom, jew skjavi li għarfu r-responsabbiltà tagħhom u nidmu mill-ħtija li wasslithom biex jiġu kkundannati għall-qdif, jew kisbu l-paċi f’qalbhom minkejja li ġew ikkundannati bla ħtija?

Se nkunu bħal dawk kollha li qatgħu qalbhom għax baqgħu jħarsu lejn il-mewġ u l-ilma dieħel minn kullimkien, jew bħal Pawlu li l-maltempata, minkejja li żgur inkwetatu, ma qalgħatlux ħarstu mis-sema hekk li kien attent għall-kelma li l-Mulej bagħat jgħidlu permezz tal-anġlu?

Se nkunu bħal San Luqa, l-awtur tar-rakkont li jagħtina x’nifhmu li kien sieħeb ta’ Pawlu fil-vjaġġ, li jħares lejn l-istorja ta’ din il-burraxka mill-perspettiva tal-providenza ta’ Alla, jew bħall-awturi tat-traġedji Griegi li jemmnu fid-destin u l-ħruxija tal-allat?

Din is-solennità tpoġġi quddiemek l-għażla dwar x’tip ta’ baħri tixtieq tkun, jekk hux tal-bnazzi biss jew anke tal-maltemp. Jekk tal-bnazzi biss, xħin jitfaċċa l-maltemp taqta’ qalbek u titlef kull fiduċja f’Alla. Imma jista’ jkun li tkun baħri tal-maltemp biss, hekk li xħin il-maltemp jgħaddi, lill-Mulej tinsieh.

Trid jew ma tridx, int baħħar ukoll fuq il-ġifen li sa mill-qedem ġie meqjus bħala xbieha tal-Knisja. Se tagħżel allura li tkun membru sħiħ, ħaj u attiv kif tista’ ta’ dan il-ġifen li lkoll qegħdin fih hekk li, jekk xi ħadd jagħżel li jċedi, ifisser li hemm id inqas biex taqdef, biex iddur bil-morda minħabba l-baħar inqalleb, id inqas biex toffri ħbiberija u għajnuna sabiex ilkoll insalvaw u naslu sax-xatt qawwijin u sħaħ?

Bl-istess mod: se tkun baħri fil-port biss, li forsi weħilt hemm għax it-traġedja trawmatizzatek, il-ġerħa tal-passat ma tridx tħalliha tfieq, jew se tkun lest li tkompli ssalpa u timraħ lil hinn, f’orizzonti ġodda li għalihom irid iwasslek Alla sabiex, kif smajna fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, tkun melħ tal-art u dawl tad-dinja?