Mhix xi ħaġa ta’ kuljum li l-Papa jkollu ċ-ċans li jikkummenta fit-tul dwar il-ħajja ta’ xi qaddis. Fortunatament, ix-xorti ta’ San Franġisk de Sales kienet tajba għaliex fl-okkażjoni tar-raba’ ċentinarju mill-mewt tiegħu, il-Papa Franġisku kiteb dwaru Ittra Appostolika bit-titlu Totum Amoris Est (Kollox jappartjeni lill-imħabba). Huwa jagħti titwila sabiħa lejn il-ħajja ta’ dan il-qaddis kbir li għaraf ikun ragħaj tal-merħla ta’ Kristu u jmexxieha mhux biss b’għaqal kbir iżda wkoll bi ħlewwa kbira. Kienet din il-kwalità, immexxija mill-imħabba li l-Papa Franġisku innota. Fil-ħidma appostolika tiegħu, Franġisku de Sales ħaddan “metodu li jiċħad il-ħruxija u jibni fuq id-dinjità u l-ħila tar-ruħ devota, minkejja d-dgħufijiet tagħha” (Ara l-Ittra Appostolika fir-Raba’ Ċentinarju mill-Mewt ta’ San Franġisk de Sales, Totum Amoris Est).

Huwa għalhekk li, sekli wara, San Ġwann Bosco, wieħed fost l-ulied il-kbar tal-Knisja, sejjes il-metodu edukattiv tiegħu fuq l-esperjenza u l-wirt li ħalla San Franġisk de Sales, li lilu ddedika l-kongregazzjoni Salesjana li fil-fatt iġġib l-isem ta’ dan il-qaddis li għex sekli qabel ma twaqqfet.

Fil-metodu pedagoġiku famuż tiegħu, San Ġwann Bosco żviluppa “sistema preventiv.” Fi żmien meta l-edukazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti kienet titmexxa b’modi ripressivi jekk mhux ukoll vjolenti, huwa ried li, biex is-soċjetà jkollha “Nsara tajbin u ċittadini onesti,” il-libertà ta’ kull persuna tiġi rispettata. Don Bosco sab li r-raġuni, ir-reliġjon u l-imħabba, marbutin flimkien fi klima ta’ fiduċja, jistgħu jgħinu lit-tfal jikbru b’mod sħiħ u jbegħduhom mill-perikli tar-ruħ u tal-ġisem. Biex dan iseħħ, l-edukatur irid ikun preżenti b’mod kostanti u, minflok jimponi, juża l-ħlewwa u r-raġuni biex jipperswadi bil-paċenzja kollha lil dawk fdati f’idejh. Bla ebda dubju, jidher li l-ispirazzjoni ta’ San Franġisk de Sales, ħalliet frott kbir fil-ħajja ta’ San Ġwann Bosco u ta’ dawk kollha li kellhom ix-xorti jiltaqgħu mal-kariżma Salesjana tul iż-żmien.