Hija u tirrifletti fuq il-ġrajja ta’ ħajjitha f’waħda mill-poeżiji tagħha, il-poetessa Kattolika Taljana tas-seklu li għadda Cristina Campo tikteb hekk:

O Medio Oriente disteso dalla sua voce,

Voglio destarmi sulla via di Damasco –

Né mai lo sguardo aver levato a un cielo

Altro dal suo, da tanta gioia in croce.

(O Lvant Nofsani mifrux mil-leħen tiegħu,

Irrid inqum fit-trejqa ta’ Damasku –

Bla qatt ma ndawwar ħarsti lejn sema ieħor

Jekk mhux dak tiegħu, minn tant ferħ mis-salib.)

Cristina Campo, “Ora rivoglio bianche tutte le mie lettere,” f’Passo d’addio: All’Insegna del pesce d’oro (1956)

Campo tqabbel il-ġrajja tagħha ma’ dak li seħħ f’Pawlu frott il-laqgħa tiegħu ma’ Kristu ħaj fi triqtu lejn Damasku.

Dakinhar, fit-triq ta’ Damasku, Pawlu żgur li ma fehemx kollox. Anzi probabbilment l-unika ħaġa li fehem kienet li sa dak il-punt f’ħajtu ma kien fehem xejn mill-misteru ta’ Alla, imma żgur fehem li xejn ma kien ser jibqa’ l-istess. Fehem li ma seta’ qatt idawwar ħarstu lura jew band’oħra jekk mhux lejn Ġesù Kristu, “u ’l dan imsallab” (1 Kor 2, 2). Fehem li ma setax idawwar ħarstu lejn sema ieħor. Fehem li proprju fit-tbatija—tbatija li hu stess kien qed jikkawża fuq ħaddieħor—tinsab it-tama u fis-salib il-ferħ.

U għalhekk, Pawlu jistaqsi, “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22, 10). Għax il-laqgħa mal-Mulej Irxoxt twassal biex, mhux biss inwarrbu dak li m’għandniex inkunu—il-bniedem il-qadim—u niġu mibdula f’xebh ikbar mal-Mulej li juri lilu nnifsu lilna—nilbsu l-bniedem il-ġdid, li hu l-bniedem skont Kristu—imma wkoll biex nagħmlu xi ħaġa, naslu biex nieħdu wkoll responsabbiltà ta’ ħajjitna u nilqgħu s-sejħa li niġu mibgħuta, insiru appostli.

Fit-triq ta’ Damasku, fl-għarfien li Alla għoġbu jirrivelalu lil Ibnu, Pawlu wkoll għaraf lilu nnifsu magħżul minn Alla sa minn ġuf ommu sabiex iħabbar fost il-ġnus dak li ġie muri lilu (Gal 1, 15-16). Fit-toroq imserrpa ta’ ħajjitna wkoll, Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna bħala l-Mulej irxoxt. Jiltaqa’ magħna proprju hemm fejn ninsabu sabiex iqabbadna t-triq il-vera, it-triq Nisranija, jiġifieri dik it-triq li twassal għall-qdusija mhux biss lilna imma wkoll lil oħrajn permezz tagħna.

U għalhekk, inutli nistaqsi, “X’għandi nagħmel?” jekk mhux lest li, bħal Pawlu, inqum u nimxi (Atti 26, 16). Il-konverżjoni ma tiżolaniex, ma tpoġġiniex fuq xi pedestall jew taqfilna f’xi ġenna tal-art imma tpoġġina fil-qalba ta’ komunità u fil-qalba tad-dinja. Għalhekk, ma nistgħux nibqgħu nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna, imma nemmnu fil-qawwa ta’ Alla li taħdem fina; nemmnu fil-potenzjal li żera’ Alla fina u li għandu l-qawwa jsir siġra li tagħti l-frott. Imma jeħtieġ li nieħdu riskju. Inkella jista’ jiġrilna bħall-parabolla ta’ dak is-sid li ħalla l-ġid tiegħu f’idejn il-qaddejja tiegħu u siefer u meta ġie lura beda jagħmel il-kontijiet magħhom (Mt 25, 14-30). Żgur li Pawlu ma kienx bħal dak il-qaddej li ħeba l-ġid li fdalu s-sinjur, imma Pawlu ħaddem il-ġid li ġie fdat lilu. U, minn dik l-umiljazzjoni li sabbtitu mal-art qabel daħħal fil-belt, lil Pawlu daħħlitu f’Damasku deċiż li ma jħares lejn l-ebda sema ieħor ħlief dak tas-Saltna tas-Smewwiet li b’tant taħbit ħabrek biex tinżera’ fl-art ta’ qlub għatxana.