Sant’Atanasju, li kiteb il-ħajja ta’ San Anton Abbati, li l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fis-17 ta’ Jannar, jikteb li Sant’Anton

… mar fil-muntanji. Lil hinn mix-xmara sab fortizza li kienet ilha żmien twil mitluqa u li kienet mimlija sriep. Daħal hemm u għammar fiha. Is-sriep ħarbu f’daqqa waħda donnu kien hemm xi ħadd jiġri warajhom u hu għalaq il-bieb. Billi ħażen ħobż kemm iservih għal sitt xhur, u billi kien hemm l-ilma fil-fortizza, niżel fil-kmamar ta’ ġewwa u beda jgħix hemmhekk waħdu. Hu qatt ma ħareġ u qatt ma ra lil ħadd li ġie jżuru. Għal żmien twil baqa’ jgħix din il-ħajja ta’ qdusija kbira, u axxetiċiżmu u kien jirċievi biss il-ħobż darbtejn fis-sena mid-dar ta’ fuq.

Għalfejn id-deżert? Jekk wieħed iħares lejn il-kelma ‘deżert’ bil-lingwa oriġinali tat-Testment il-Qadim, jiġifieri l-Ebrajk, wieħed jifhem li din il-kelma tfisser il-post fejn Alla jitkellem. Tul l-istorja tal-poplu ta’ Iżrael, kif insibuha rrakkuntata fil-kotba tal-Pentatewku, Alla kellem lill-poplu waqt li kienu fid-deżert. Dan narawh pereżempju f’numri ta’ drabi li Alla kellem lill-Mosè. Dan narawh anke fi Ġwanni l-Battista li għażel li jitwarrab fid-deżert, fil-post tat-talb, sabiex iħejji t-triq ta’ Ġesù: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert, wittu t-triq tal-Mulej” (Ġw 1, 23). Sant’Anton ukoll jagħmel din l-għażla li jitwarrab fid-deżert għaliex dan huwa l-post fejn kien jgħix fil-faqar, fil-penitenza u fis-solitudni sabiex huwa stess ikun jista’ jgħallem dawn il-virtujiet lill-oħrajn. Fuq kollox, id-deżert huwa l-post tar-riflessjoni u l-kontemplazzjoni, u kif ukoll ta’ preparazzjoni, kif intuża minn Ġesù nnifsu u minn San Pawl.