Din is-sena, bħala Evanġelju għas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, il-Knisja tippreżentalna silta minn kapitlu 19 tal-Evanġelju skont San Ġwann, proprju x-xena li sseħħ wara l-mewt ta’ Kristu, meta suldat jinfed il-ġenb għażiż. Ġest li permezz tiegħu l-Knisja tagħraf li ġiet minfuda wkoll qalb il-Mulej, kif josserva l-Papa Piju XII f’Haurietis Aquae (par. 78), l-enċiklika li titkellem dwar din id-devozzjoni. Ġest li fih l-awtur tar-Raba’ Evanġelju jagħraf twettieq tal-profezija ta’ Żakkarija: “U fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb. U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir” (Żak 12, 10). Kliem li jsib ukoll l-eku tiegħu fil-Ktieb tal-Apokalissi—“Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Ammen” (Apok 1, 7)—biex bħal donnu jsir profezija għalina li nqimu din il-qalb filwaqt li nistennewh jerġa’ jiġi fil-glorja.

Din il-kontemplazzjoni, minn banda tfakkarna fil-konkretezza tal-inkarnazzjoni—li Alla jieħu qalb tal-laħam bħal tagħna—u, mill-banda l-oħra, terġa’ tfakkarna dwar ir-raġuni għalfejn Alla kellu jagħmel dan. Għax, filwaqt li nħarsu lejn din il-qalb miftuħa tas-Salvatur, niftakru wkoll fil-feriti tagħna: il-feriti tal-passat li qishom ma jfiequ qatt u jibqgħu jdennu; il-feriti tan-nuqqasijiet fiżiċi, psikoloġiċi u affettivi tagħna li jġagħluna nistħu jew nimtlew bir-rabja; dan laħamna dgħajjef li kontinwament jiġbidna għad-dnub u jnissel fina d-dubju dwar il-possibbiltà tal-qdusija.  Ma’ dan, hemm ukoll il-ġrieħi tal-ġisem mistiku tal-Mulej li bħal donnu ma jista’ qatt jiġi miġruħ biżżejjed mill-iskandli u d-dnubiet tal-membri tiegħu—anke mid-dnubiet tagħna.

Quddiem l-umanità miġruħa, il-ġerħa fil-ġisem divin illum tfakkarna li hu minn dawn il-ġrieħi stess, li spiss jaqtgħulna qalbna, li l-Mulej illum irid iferra’ ħnintu fuq id-dinja. Hu minn hemm—minn fejn aħna nħossuna l-iktar dgħajfa u mkissra—li minna jrid ifawwar xmajjar ta’ ilma ħaj (Ġw 7, 38). Hu mill-istess feriti tagħna li toħroġ l-ikbar qawwa tagħna u s-sbuħija vera tagħna, li hi d-don li għamilna għad-dinja—il-barka speċifika li permezz tagħna jrid ixxerred fuq l-umanità.