Tiftakaru dak il-Bambin tax-xemgħa b’libsa sabiħa u b’xagħru ta’ veru kollu nokkli safranin, u mqiegħed f’bozza kbira tal-ħġieġ u mdawwar dawramejt bil-ganutell? Id-dar għandi wieħed tal-bużnanniet. Il-Bambin oriġinali osfor, u allura probabbilment l-iktar ħaġa ta’ valur li fadal hija proprju l-bozza tal-ħġieġ innifisha—iktar rari mill-ganutell …

Jekk dawn ma tiftakarhomx, żgur li familjari mal-presepji ċkejkna ġo ballun tal-ħġieġ mimli bil-likwidu biex, xħin tħarrikhom ftit, jiċċaqalqu qishom stilel jew boċċi sakemm jerġgħu jistrieħu fil-qiegħ tal-bozza tal-ħġieġ, jistennew li jerġgħu jitħarrku. Però dis-sena sibt wieħed id-dar minn dawn u li veru ġagħalni naħseb. Il-bozza ma tinkorporax x-xena kollha: San Ġużepp wieqaf fin-nofs fuq wara bil-Madonna fuq ix-xellug u nagħġa fuq il-lemin tistħajjilhom qed iżommu u jipproteġu l-ballun tal-ħġieġ li jagħlaq fih lill-Bambin waħdu, donnu f’inkubatur flok f’maxtura.

Il-Bambin ġo bozza! Laqtitni din ix-xbieha! Turi rispett għax tipproteġi mit-trab u l-elementi, protezzjoni kontra l-ħsara, kważi imitazzjoni tat-tarbija tgħum fil-ġuf ta’ ommha. Imma xejn ma jista’ jkun iktar ’il bogħod mill-Bambin ġo bozza! U, jekk ikollna xi dubju dwar dan, l-Evanġelju tal-lum jurina biċ-ċar li Ġesù ma tantx kien it-tip li joqgħod ġo bozza, anke jekk Marija u Ġużeppi x’aktarx kienu jippruvaw iżommuh ftit ġo bozza: wara kollox huwa l-uniku tifel tagħhom, u, fuq kollox, huwa Bin Alla! Xi skuża tista’ ġġiblu lil Alla jekk jiġrilu xi ħaġa jew jintilef?!

Imma dan l-imbierek tifel kien beda jiftaħ ftit il-ġwienaħ u, meta ġiet l-okkażjoni, għamilha. Ma jidhirx li kienet xi avventura biex juri lill-ġenituri tiegħu li, “isma’, issa qiegħed nikber u rrid il-wisa’ tiegħi.” Iktar kienet li donnu xi ħaġa ogħla kissret il-bozza u sab postu. Naħseb li anke hu stess kien sorpriż bis-sensazzjoni li kien jinsab f’dak li hu ta’ Missieru meta kien fit-tempju, minkejja li l-ħanut tax-xogħol ta’ missieru Ġużeppi kien ġranet ta’ mixi ’l bogħod minn Ġerusalemm. Anke hu kien għadu qed jifhem lilu nnifsu, jifhem min hu, jifhem postu fid-dinja, jifhem ir-rabta tant intima li kellu ma’ Alla hekk li, bħala ġuvnott fl-età li jibda jġarrab l-emozzjonijiet adulti, hemmhekk, fit-tempju, għaraf postu u mħabbtu.

Jekk int ġenitur, nanna jew nannu, jew b’xi mod inti jew kont responsabbli tat-tfal, tista’ żgur tassoċja mar-reazzjoni ta’ Marija b’Ġużeppi magħha, għax wara kollox anke għalihom din kienet xi ħaġa ġdida: xi ħaġa ġdida li tkun ġenitur ta’ adolexxent għax f’kull stadju tal-ħajja tal-ulied trid kull darba titgħallem mill-ġdid kif tkun ġenitur u tibqa’ ġenitur—mhux ħabib jew kollega jew ma nafx iktar, imma proprju ġenitur għax l-ulied, żgħar jew kbar, ħbieb u kollegi jista’ jkollhom kemm jixtiequ imma ġenituri u nies li joffru kenn matern jew patern ma jkollhomx oħrajn.

Il-bozza nkisret, imma l-familja reġgħet lura flimkien f’Nazaret u baqgħet hemm. U Ġesù kiber kif jikber kulħadd, imma ma kibirx biss fis-snin u fl-għerf uman imma wkoll fil-grazzja u fl-għerf tas-sema, quddiem il-bnedmin imma wkoll quddiem Alla sakemm wasal biex ġarrab l-esperjenza ta’ Alla mhux biss bħala Missieru li minnu kien ġej qabel ma l-ġrajja fiżika umana tiegħu bdiet bit-tnissil u t-twelid, imma saħansitra għarfu bħala “Abbà! Papà!”

U Marija—u nistgħu nassumu li anke Ġużeppi—għożżew dawn l-esperjenzi kollha. Kważi kważi nistgħu ngħidu għożżew il-biċċiet tal-bozza miksura li bnew madwar Ġesù u li issa kienet ċkejkna wisq għalih u għal dak li għalih ġie. Għożżewhom billi tawh il-wisa’ jikber. Tawh l-għodda, tawh il-valuri, tawh it-tagħlim reliġjuż u uman meħtieġ. Ħallewh jimraħ fil-kampanja, għalkemm xi ftit qalbhom ittaqtaq, iktar u iktar jekk taqbad ix-xita … Imma din hi l-familja u din trid tkun il-familja, imfattra kemm hi imfattra: il-wisa’ li jipproteġi, li jagħti sfond ta’ storja, ta’ ġrajja; ħamrija għall-għeruq, bastun biex ix-xitla titla’ dritta; u, fl-istess waqt, il-wisa’ bla limitazzjonijiet li joħonqu l-libertà jew jissoffokaw il-ħolm kemm tal-bnedmin u kif ukoll ta’ Alla għall-bnedmin; id-dixxplina li ttella’ fl-irġulija, fil-maturità, u l-għożża li tagħti valur u dinjità—għożża li hi nar li jixgħel il-musbieħ tal-qlub li jiftaħ xefaq bla limiti għal dan il-ħolm …

Imma, mingħajr dik ix-xrara tal-għożża, il-fjamma tal-imħabba, ix-xewqa għall-għotja totali u għar-responsabbiltà, il-ħeġġa għall-impenn sabiex id-dinja ssir post aħjar, dawn qatt ma jiksbu l-qawwa li tista’ taħraq bosk imma fl-istess ħin hija mħarsa biex, bir-riedni u l-bsaten, tasal li, flok teqred, tikbes fi fjamma qawwija li ddawwal u tagħti t-tama. Hekk trid tkun il-familja bħala pellegrina tat-tama, kif qegħdin niċċelebraw f’dan il-Ġublew: mhux familja perfetta imma familja li għandha tama li hi ferm ogħla minnha u li tistinka biex tersaq lejha … familja li fiha t-tamiet tal-bnedmin u t-tamiet ta’ Alla għalihom jistgħu jitwettqu għax il-bozoz inkisru imma xorta waħda lkoll qegħdin fl-istess mixja ta’ tama li ddawwal it-triq li twassal għand Alla.