Kif ngħidu bil-Malti: “Darbtejn insiru tfal!” Imma nazzarda ngħid li dax-xahar xi ftit jew wisq ilkoll jerġa’ jġibna tfal żgħar, jew tal-anqas jerġa’ jixgħel lil għajnejna biex jilmaw bħal tat-tfal, b’ferħ innoċenti u ġenwin. Veru li l-girlanda tal-knisja titbierek b’xi talba xi ftit iktar solenni, imma ngħid għalija nkun qed nistennieha ta’ kull sena meta tiġi ċċelebrata l-quddiesa li fiha t-tfal jiġu mistiedna jġibu magħhom girlanda b’erba’ xemgħat—tlieta vjola u waħda roża—sabiex tiġi mbierka. Kif tista’ tista’ ma titbissimx meta tara tfal b’girlanda ikbar minnhom! Kif tista’ ma tiggustax lil dawk li għamlu girlanda oriġinali minn materjali reċiklati jew tal-krafts! U l-isbaħ mument ikun meta jibdew jitgerbu x-xemgħat jew jinqasmu qabel ma jaslu d-dar sabiex ikunu tfakkira viżiva tal-Avvent bħala stennija u mhux biss bħala ġimgħat imballati b’avvenimenti u ikel ma jaqtgħu xejn.

Il-ħasra tkun meta tinduna li l-girlanda hija l-istess bħal dik tas-sena l-oħra … għax tkun ħarġet biss biex tiġi mbierka u forsi titħalla bħala dekorazzjoni. Imma, għid il-verità: kif jista’ jkun bozoz iteptpu jieħdu post fjamma naturali li ftit ftit idewweb ix-xemgħa bħala sinjal kostanti tal-mogħdija taż-żmien? Anke fil-knejjes, kif tista’, għall-prattiċità, il-fjamma fil-ħofra tax-xemgħa ċċedi postha għaż-żejt f’tubi ta’ qisien differenti sabiex, wara l-iqsar xemgħa, fit-Tieni Ħadd nixgħelu dik ftit itwal minnha, u nibqgħu nsegwu s-sekwenza skont it-tul?

Forsi jinstema’ wisq romantiku dad-diskors, u dan ma nistax niċħdu. Imma, jekk il-liturġija u l-fidi jiżvintaw minn dan ir-romantiċiżmu u l-ġesti u s-simboli li jfissru xi ħaġa iktar profonda, kull ħaġa li nagħmlu tispiċċa sempliċiment wirja u pantomima biex ma nidhrux inqas minn ħaddieħor. Wara kollox, l-aqwa li nperrċu kemm jista’ jkun ritratti fuq il-midja soċjali jew noħolqu sensazzjoni b’gimmicks li jkomplu jagħmlu mill-fidi qoxra kożmetika li, bħall-ġelu fuq il-kejkijiet, ħafna jarmuh għax il-ħlewwa tiegħu tispiċċa ddardrek. U l-aqwa li nitfu x-xemgħat minn fuq il-kejk kull sena, imma skandlu li tixgħel xemgħa quddiem xbieha għax tkun iġġudikata bħala idolatrija—bħal dak li qallu, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq sninna mhumiex l-idolatrija tal-jien.

Xemgħa hija talba li tibqa’ quddiem Alla, Marija, u l-Qaddisin li qegħdin fis-sema, anke meta aħna noħorġu mill-knisja u nkomplu nissieltu mal-ħajja. Xemgħa hija talba li titħabat mal-kurrenti li jimlew l-imqades tagħna għax il-bibien huma miftuħa. Xemgħa tikser id-dlam anke jekk ma turix iktar minn ftit metri mit-triq ’il quddiem. Xemgħa ddub sakemm tinħela għal kollox. U, meta tinħela tintrema, imma xogħolha tkun qdietu, il-missjoni tagħha tkun wetqitha.

U aħna xemgħat. La aħna dwal artifiċjali perfetti li ma jinħlewx u jintrefgħu għas-sena ta’ wara, u lanqas m’aħna żejt li ma jġemmidx. Aħna xemgħat, li ninxtegħlu u nintfew, nitħabtu mal-kurrenti biex forsi nibqgħu nixegħlu minkejja r-riħ u l-kesħa. Aħna xemgħat, li jsaħħnu l-idejn kiesħa ta’ min iżommhom f’idejh. Aħna xemgħat li ninħlew. Dak li jiddistingwina, barra l-lewn, l-għamla u l-qies, huwa sempliċi: fuq liema altar se tagħżel li tagħti ħajtek?