It-Tielet Ħadd tal-Avvent jgħidulu Il-Ħadd tal-Gaudete, li tfisser Ifirħu, l-ewwel kelma fl-introjtu tal-quddiesa ta’ din il-ġurnata: “Ifirħu fil-Mulej dejjem.” F’dan il-Ħadd nixegħlu x-xemgħa roża fil-girlanda, kif ukoll bħala kulur liturġiku jista’ jintuża r-roża. L-iskop ta’ dan il-Ħadd huwa li jnissel fina sens ta’ tama u ta’ ferħ li aħna msejħin biex inħejju lilna nfusna sabiex nilqgħu l-miġja ta’ Alla.

Il-veru ferħ huwa kwalità unika fin-nisrani għaliex, qalb il-ħafna taqlib tal-ħajja tagħna, aħna msejħin biex mhux ninħakmu mill-biża’ imma “nqawwu qalbna u nerfgħu rasna għax il-fidwa tagħna hi fil-qrib” (Luqa 21, 28). Forsi l-ferħ tal-Milied ħafna drabi huwa assoċjat b’mod superfiċjali maż-żmien tal-vaganzi u tar-rigali. Biss, għan-nisrani, il-veru ferħ jinsab fil-fatt li huwa maħbub u mixtieq minn Alla stess. Bħalma jikteb Papa Franġisku, f’Evangelii Gaudium:

Il-ferħ tal-Evanġelju jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ.

Evangelii Gaudium, par. 1

Dan il-Ħadd ifakkarna wkoll fl-oriġini taż-żmien tal-Avvent, li kien imfassal simili għal żmien ir-Randan. Infatti fi żmien ir-Randan insibu wkoll Ħadd simili tal-Gaudete, li huwa l-Ħadd tal-Laetare, kelma oħra li tfisser ferħ. Bħat-Tielet Ħadd tal-Avvent, il-Ħadd tal-Laetare jiġi f’nofs żmien ir-Randan, fir-Raba’ Ħadd u f’dan il-Ħadd jista’ jintuża l-kulur roża fil-liturġija. B’hekk insibu pawża mill-kulur vjola li huwa assoċjat ma’ preparazzjoni, penitenza u sagrifiċċju.

Biss wieħed isaqsi: għaliex jintuża l-kulur roża fil-liturġija u tinxtegħel ix-xemgħa roża fil-girlanda? Il-kulur roża jissimbolizza kemm il-ferħ u kif ukoll l-antiċipazzjoni tal-festa li daqt ser tiġi ċċelebrata fil-liturġija.

Barra minn hekk, fl-antik, nhar ir-Raba’ Ħadd tar-Randan, meta fil-liturġija jiġi użat il-kulur roża, il-Papa kien ibierek ornament tad-deheb forma ta’ warda, jgħidulu Rosa d’Oro (warda tad-deheb). Dan l-ornament kien jingħata bħala ġieħ u reverenza. Oriġinarjament dan l-ornament kien jingħata lil xi mexxejja, iżda mill-pontifikat ta’ Pawlu VI ’l hawn, dan il-ġieħ ingħata lil postijiet ta’ qima Marjana. Infatti l-Papa Benedittu kien ta d-disa’ warda tad-deheb lill-Madonna ta’ Pinu fiż-żjara tiegħu fil-gżejjer Maltin fl-2010.

Mistoqsijiet

  • F’dan l-Avvent, fiex qiegħed inħejji ruħi biex nilqa’ lil Ġesù?
  • Hemm ferħ fil-qalb tiegħi, dak il-veru ferħ li jiġi mil-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù?