Għalkemm it-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija ilu jiġi mfakkar għal ħafna sekli fil-Knisja kollha, aħna l-Maltin niċċelebrawh b’solennità ikbar għax mal-jum tat-8 ta’ Settembru huma marbutin rebħiet importanti għal ġensna li fihom missirijietna raw l-interċessjoni diretta ta’ Omm Alla, partikularment it-tmiem tal-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-irtirar tal-Italja mit-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.
Fl-1922 din il-ġurnata ġiet magħżulha mill-ewwel parlament Malti bħala Jum Nazzjonali, jum li fih jiġbor l-identità tan-nazzjon tagħna mmarkata mid-dawl tal-fidi li ħaddan bħala tiegħu. Hija tassew sinifikanti r-rabta bejn it-twelid ta’ Marija, li permezz tagħha twieled il-Feddej, u l-uġigħ tal-ħlas sakemm twieled in-nazzjon indipendenti u ħieles tagħna.
U, jekk irridu ikona mill-isbaħ ta’ din l-interċessjoni, żgur li ma nistgħux ma nħarsux lejn il-Gardjola tal-Isla li, minkejja ċ-ċokon prattiku tagħha, tiddomina donnha sultana f’nofs il-Port il-Kbir. Dan jgħodd l-iktar mhux għar-rabta tal-Belt mogħtija t-titlu ta’ Civitas Invictamat—il-Belt Qatt Mirbuħa—mat-twelid ta’ Marija, imma proprju għax l-istess arkitettura tagħha tfisser, bħala metafora sabiħa, il-ħarsien u l-interċessjoni ta’ Marija.
Tisponta mis-sur u mibnija f’għamla essagonali, minquxa fuq it-twieqi tagħha nsibu għajnejn u widnejn, flimkien ma’ ċikonja jew tajra simili fuq id-daħla u l-fleur-de-lys fuq il-faċċata opposta tad-daħla. Il-fleur-de-lys nsibuha wkoll fl-arma tal-Gran Mastni Adrien de Wignacourt, li fi żmienu nbniet il-gardjola. Iżda b’xi mod kollha jfissrulna xi jfisser il-ħarsien ta’ Marija fuqna tul is-sekli u fil-ħajjiet personali tagħna.
Dik li hi l-ġilju safi tal-widien (fleur-de-lys), tiftaħ widnejha beraħ biex tisma’ t-talb tal-qlub muġugħa jew ferħana sabiex tittajjar bih, donna ċikonja, lejn it-tron ta’ Alla. Imma għajneja huma wkoll miftuħa sabiex tħares dak li jidħol u tbierek dak li jgħaddi mill-Port il-Kbir, il-qalba kummerċjali u amministrattiva ta’ Malta.
U kemm tassew jeħtieġ li nħallu lil Marija tismagħna, għax fis-smigħ il-qalb tistrieħ. Kemm tassew neħtieġu l-għajnejn ħarrisa tagħha fuqna sabiex tipproteġina imma wkoll tkellem lil qalbna biex nilqgħu lil min ifittex kenn filwaqt li niċħdu dak li jista’ jtebba’ lir-ruħ Nisranija tal-poplu tagħna. Kemm tassew jeħtieġ li magħha nogħlew ’il fuq sabiex ninfetħu għall-imħabba infinita ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.