Bejn tmiem ix-xahar ta’ Settembru u l-bidu tax-xahar ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra żewġ festi lill-Anġli, li huma ħlejjaq spiritwali, mingħajr ġisem (KKK, par. 328). Il-kelma ‘anġlu’  ġejja mill-Grieg ángelos, li tittraduċi l-kelma Lhudija mal’àk, li tfisser ‘messaġġier’ (ara Lhud 1, 14). Għaldaqstant, kif jispjega tant tajjeb Santu Wistin (Sermo VII, 3), dan it-terminu jirreferi iktar għall-uffiċċju (il-ħidma) ta’ dawn il-ħlejjaq.

It-twemmin fl-eżistenza ta’ dawn il-ħlejjaq spiritwali għandu għeruq bibliċi, fejn narawhom kemm fil-preżenza ta’ Alla u kif ukoll mibgħuta b’messaġġ jew missjoni fid-dinja. Fil-kotba tat-Testment il-Qadim, l-aktar dawk tal-ewwel żminijiet, jissemma ħafna ‘l-anġlu tal-Mulej’ jew ‘il-messaġġier tal-Mulej’. Fost l-oħrajn, l-anġli jissemmew fl-istorja ta’ Abraham (Ġen 16, 7-12), Ġakobb (Ġen 28, 12; 32, 2), Mosè (Eż 3, 2), fil-ġrajjiet tal-Imħallfin (Imħ 6, 11-24; 13, 1-22). Madankollu, mhux kull fejn jissemmew l-anġli fil-Bibbja qed nirreferu għal dawn l-ispirti puri (puri fis-sens li m’għandhomx materja). F’xi wħud mill-każi, dan it-terminu hu użat ukoll għal messaġġiera umani. F’każijiet oħra l-anġlu hu sinonimu għal Alla nnifsu jew simbolu tal-ħidma jew tal-kwalitajiet tiegħu.

Fit-Testment il-Qadim jissemmew ukoll ħlejjaq oħra spiritwali bħalma huma s-serafini (Is 6, 1-8) u l-kerubini (Ġen 3, 24; Eżek 10, 1-22). Fil-Ktieb ta’ Tobit insibu l-ġrajja ta’ Rafel li jakkumpanja lil Tobija u li, lejn tmiem ir-rakkont, juri l-identità vera tiegħu bħala “wieħed mis-seba’ anġli, li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej” (Tob 12, 15); u fil-Ktieb ta’ Danjel naraw lil Mikiel, li hu deskritt bħala l-ħarries tal-poplu ta’ Iżrael (Dan 10, 13-21; 12, 1).

L-anġli jissemmew ukoll f’ħafna każijiet fit-Testment il-Ġdid. Dak li nsibu dwar l-anġli fit-Testment il-Ġdid huwa influwenzat ħafna mill-mod kif inhuma deskritti fit-Testment il-Qadim. Fir-rakkonti marbutin mat-twelid ta’ Ġesù jissemma bi prominenza Gabriel li jħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista lil Żakkarija (Lq 1, 10-20) u t-twelid ta’ Ġesù lil Marija (Lq 1, 26-38), u wkoll anġli ħabbara oħra li permezz tagħhom Alla jkellem lil Ġużeppi fil-ħolm (Mt 1, 18-25; 2, 13. 19) jew iħabbar il-miġja tal-messija lir-rgħajja (Lq 2, 8-14). Daqstant ieħor għandhom ukoll prominenza fir-rakkonti tal-qawmien (Mt 28, 1-10; Ġw 20, 11-18).

Anke Ġesù, fit-tagħlim tiegħu, jirreferi għal dawk li nsejħulhom anġli kustodji (Mt 18, 10), jiġifieri li kull bniedem għandu anġlu biex iħarsu. U hu nnifsu kien ukoll assistit mill-anġli meta kien fid-deżert (Mt 4, 11; Mk 1, 13) u waqt l-agunija fil-Ġnien taż-Żebbuġ (Lq 22, 43). Bl-istess mod, l-anġli akkumpanjaw lill-Appostli fit-tiġrib li fih sabu ruħhom minħabba l-Evanġelju (Atti 5, 19; 12, 5-19).

Fil-kitbiet l-oħra tat-Testment il-Ġdid insibu għad ta’ referenzi għal ħlejjaq oħra spiritwali, bħalma huma t-Troni u l-Ħakmiet, il-Prinċipati u s-Setgħat (Ef 1, 21; Kol 1, 16). B’referenza għal dawn is-siltiet, xi drabi dawn il-ħlejjaq jissemmew fit-talba tal-prefazju, qabel inwieġbu flimkien, “Qaddis, Qaddis, Qaddis,” fejn iċ-ċelebrant jistedinna ningħaqdu magħhom fit-tifħir lil Alla. U mbagħad, fil-Ktieb tal-Apokalissi, l-anġli għandhom prominenza kbira. F’dan l-aħħar ktieb tal-Bibbja nsibu l-istess tip ta’ xbihat użati fil-kotba profetiċi u apokalittiċi tat-Testment il-Qadim, u narawhom sew madwar it-tron ta’ Alla u sew bħala dawk li jwettqu l-kmand ta’ Alla fil-konfront tal-umanità u tad-dinja.