Żgur li f’dawn il-jiem kiefra tas-sajf, xi qabża l-baħar ma tonqosx, bit-tama—xi minn daqqiet kważi fiergħa minħabba fit-temperaturi għoljin anke tal-baħar—li niffriskaw ftit. U artna toffri wkoll varjetà ta’ postijiet fejn wieħed jista’ jgħum, skont il-preferenza tal-individwu jew tal-grupp, skont jekk hux f’bajjiet tal-blat jew tar-ramel, jekk hux baħar għoli jew fejn jilħaq tajjeb, jew jekk tkunx aħjar l-isfida tal-baħar miftuħ.

U, kif tkun fil-baħar, l-aktar jekk xi ftit ’il barra mill-art, u tħares dawramejt, is-sensazzjoni tkun waħda mħallta. Bħal dik is-sentenza li nsibu fuq it-titular tal-Knisja ta’ Lapsi f’San Ġiljan—Litoris Aquas Sinuato Margine Cingo—bid-diffikultà tat-traduzzjoni li toħloq, fejn ma tkunx ċert jekk humiex il-bajjiet tagħna li jħaddnu u joffru kenn lill-ilmijiet, jew jekk huwiex il-baħar li jdawwarna minn kullimkien hekk li tħares fejn tħares issibek magħluq minn kull naħa bil-baħar bla mkien fejn taħrab, u fl-istess ħin bil-baħar li jiftaħ triq għal opportunitajiet ’il barra.

Il-baħar jaċċentwa kemm l-insularità tagħna u kif wkoll il-possibbiltà li noffru kenn. Imma jfakkarna wkoll fil-Kelma ta’ Alla li ġiet tfittixna hawn fuq dan il-ftit blat f’nofs il-baħar Mediterran—fidi li kellha tgħaddi mill-għarqa imma xorta waħda waslet imkebbsa. U, bl-immensità tiegħu, il-baħar jerfa’ l-ħarsa tagħna lil hinn, fil-bogħod, lejn dak li hu Infinit.

Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) jaqbad tant tajjeb dawn l-emozzjonijiet differenti fil-poeżija tiegħu Il-Baħar. Bis-sempliċità ta’ versi tas-sebgħa, alternati kull tieni strofa b’versi tas-sitta, il-poeta jpitter xenarju mill-iktar familjari tad-dehra tal-baħar u l-bajjiet fil-jiem tas-sajf, fejn drabi jkun kalm, “qisu ġelu,” u drabi oħra mħarrek. Imma dawn il-versi jmexxuna ftit ftit ’il fuq hekk li, fl-aħħar żewġ strofi, Muscat Azzopardi juri biċ-ċar fejn ried jasal:

Mita narah, bil-qima

Tal-maħbubin mistura,

Jersaq lejn l-art, ibusha…

U jarġa’ jwarrab lura;

 

Nifhem, f’dik is-sbuħija,

Li xejn m’aħna l-bnedmin;

U nħoss il-bżonn li ngħajjat;

Alla, kemm int ħanin!

Fil-bewsa tal-baħar mal-blat, il-poeta jagħraf ifisser il-laqgħa ta’ dak li hu uman ma’ dak li hu divin. Ifakkarna li f’dak li aħna tant familjari miegħu nistgħu nieqfu u nilmħu l-misteru per eċċellenza. Imma jeħtieġ li nieqfu u nħarsu, inkellha l-baħar jibqa’ biss baħar u aħna nibqgħu biss ngħixu fil-wiċċ bla ma nagħtu qadfa ’l isfel biex nogħdsu fil-fond.