Il-Vġili tal-Għid, li hija proprju ċ-ċelebrazzjoni l-aktar importanti fis-sena liturġika kollha, tibda billi qalb id-dlam jitbierek in-nar u jinxtegħel il-blandun min-nar il-ġdid. Il-fjamma fraġli imma fl-istess waqt tiddi tal-blandun hija din is-simbolu ta’ Kristu li, wara li refa’ fuqu t-tbatijiet u d-dgħufijiet tagħna stess, bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt fuq is-salib, issa ħareġ rebbieħ u qiegħed joffrilna li aħna wkoll nagħmlu dan il-passaġġ mid-dnub tagħna għall-ħajja fih, mid-dlam għad-dawl.

Din il-verità hija mfissra f’ġest tant sabiħ hekk kif il-ġemgħa miġbura biex tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu tirċievi d-dawl biex jinxtegħlu x-xemgħat ta’ kulħadd mill-istess blandun. F’daqqa waħda t-tempju, li sa ftit ħin qabel kien mimli dlam, issa jsir mimli dawl mix-xemgħat żgħar li jissimbolizzaw kif, meta nħallu lil Kristu jħabbibna miegħu, aħna wkoll naqsmu mid-dawl rebbieħ ta’ Kristu.

Biss, qabel ma ssir il-purċissjoni bil-blandun fejn id-djaknu jew il-qassis għal tliet darbiet ikanta, “Id-dawl ta’ Kristu,” iċ-ċelebrant juża diversi simboli u ġesti biex il-ġieħ u t-tifsira tal-blandun jintwerew aħjar. Infatti ċ-ċelebrant inaqqax sinjal tas-salib fil-blandun stess u jonqox l-ewwel ittra tal-alfabett Grieg, Alfa, u l-aħħar ittra, Omega, u bejn id-dirgħajn tas-salib jonqox l-erba’ numri tas-sena li tkun, wieħed f’kull rokna filwaqt li jgħid:

Kristu lbieraħ u llum (jonqox il-linja wieqfa tas-salib);

il-Bidu u t-tmiem (jonqox il-linja l-mimduda);

l-Alfa (jonqox l-ittra Alfa ’l fuq mil-linja l-wieqfa).

u l-Omega (jonqox l-ittra Omega taħt il-linja l-wieqfa).

Tiegħu ż-żminijiet (jonqox l-ewwel numru tas-sena fir-rokna ta’ fuq tax-xellug);

u l-eternità (jonqox it-tieni numru tas-sena fir-rokna ta’ fuq tal-lemin).

Lilu kull glorja u setgħa (jonqox it-tielet numru tas-sena fir-rokna ta’ taħt tax-xellug);

għal dejjem ta’ dejjem. Ammen (jonqox ir-raba’ numru tas-sena fir-rokna ta’ taħt tax-xellug).

Eżatti wara, imbagħad, iċ-ċelebrant iwaħħal fil-blandun ħames boċoċ tal-inċens li jissimbolizzaw il-pjagi ta’ Kristu waqt li jgħid: “Bil-pjagi tiegħu qaddisa u glorjużi, iħarisna u jżommna Kristu l-Mulej. Ammen.” Imbagħad is-saċerdot, waqt li jixgħel il-blandun min-nar il-ġdid, jgħid: “Id-dawl ta’ Kristu, li qam glorjuż mill-imwiet, ikeċċi d-dlamijiet mill-qalb u l-fehma tagħna.”

Ieqaf u aħseb

Jekk ħadt sehem fil-Vġili tal-Għid, forsi taf aktar kemm hu qawwi dan is-simbolu tal-blandun li jiddi qalb dak id-dlam. Kemm hu  faċli li fil-ħajja tagħna nintilfu fil-baħħ tad-dlam u tal-qtigħ il-qalb. Imma dik il-fjamma fraġli u ċkejkna tfisser ir-rebħa definita ta’ Kristu fuq id-dlam. Dik il-fjamma tal-blandun tissimbolizza il-vera tama tagħna l-Insara. Fejn fil-ħajja tiegħi għandi bżonn li tidwi din il-fjamma? Fejn hemm bżonn li d-dawl ta’ Kristi jkeċċi “id-dlamijiet mill-qalb u l-fehma tagħna”?