Il-kelma ‘kanoni’ ġejja mil-Lhudi ‘qanèh’, qasba tal-kejl (bħal f’Eżekjel 42), imbagħad ittieħdet fil-Grieg bħala kanôn, riegla, regola. Il-kanoni jirreferi għal-lista ta’ kotba tat-Testment il-Qadim u tat-Testment il-Ġdid li huma meqjusa bħala normativi għall-komunità li tħaddanhom. Il-kanoni huwa mod ieħor li fih il-Komunità li temmen (Lhudija jew Nisranija) tixhed il-fidi tagħha; il-kanoni huwa prodott tal-fidi, li jikkontrolla l-espressjoni tal-fidi. Dan kollu jfisser li l-kanoni mhux xi kejl xjentifiku imma frott tal-fidi tal-komunità li temmen.
Il-kanoni tat-Testment il-Qadim beda meta nħass il-bżonn li jiġu determinati dawk ir-regolamenti tal-Liġi (Neħ 8; Salm 119). Malajr wara, ġew miżjuda magħhom il-kotba tal-Profeti (barra Danjel) u l-Kitbiet (Salmi, Proverbji). Għal ħafna żmien ma kinitx ċara d-delimitazzjoni għall-kotba li ma kinux għadhom meqjusa bħala kanoniċi. Hekk ngħidu aħna fl-Ittra ta’ Ġuda v.14 jissemma l-Ktieb apokrifu ta’ Enok bħala profezija awtentika.
Wara l-qerda ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 WK, ġie stabbilit b’mod definittiv il-kanoni għat-Testment il-Qadim, fis-sinodu ta’ Jamnija fis-sena 90 WK. Il-Konċilju ta’ Trentu fl-1546 semma l-kotba wieħed wieħed li għandhom jitqiesu bħala kanoniċi billi żamm il-lista t-twila tal-kanoni Lhudi. Din il-lista hija msejħa mill-Kattoliċi l-lista tal-kotba proto-kanoniċi (li ġew aċċettati mal-ewwel approvazzjoni). Il-kotba l-oħra li ġew aċċettati mill-Kattoliċi bħala kanoniċi imma mhux mill-bqija tal-Knejjes (ngħidu aħna, mill-Protestanti) huma msejħa dewtero-kanoniċi. Dawn huma Tobit, Ġuditta, Ester (parti), Ktieb il-Għerf, Bin Sira, Báruk, Danjel (parti), u 1 u 2 Makkabin. Il-Protestanti u l-oħrajn isejħulhom apokrifi (mill-Grieg apokryptein, huwa ħeba).
Għat-Testment il-Ġdid, il-kanoni kellu storja differenti. Il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid kienu jixterdu ħafna u malajr fost il-komunitajiet insara (ara Kol 4,16). Sar tentattiv ukoll biex mill-Erba’ Evanġelji meqjusa ispirati u kanoniċi jsir wieħed. Sadattant bdew jinkitbu ħafna kitbiet apokrifi tat-Testment il-Ġdid (evanġelji apokrifi, jiddeskrivu f’dettalji kbar it-tfulija, iż-żgħożija u l-qawmien ta’ Ġesù; atti tal-Appostli apokrifi, li jirrakkuntaw il-ġrajjiet tal-Appostli kollha; ittri apokrifi tal-Appostli, li jaqbdu punti mill-Ittri awtentiċi u jiżviluppawhom, bħall-Ittra lill-Komunità ta’ Laodiċea; ittri oħra apokrifi, bħall-ittra ta’ Barnaba; apokalissi apokrifi, li jiddeskrivu b’ħafna fantasija t-tbatijiet tal-aħħar jiem).
Intagħżlu fuq il-kriterju ewlieni—li kitba trid tkun attribwita lil xi Appostlu—kitbiet li jħaddnu fihom il-karattru ta’ Kotba Mqaddsa: l-Erba’ Evanġelji; l-Ittri ta’ San Pawl (mhux Lhud); imbagħad l-Atti tal-Appostli; 1 Pt; 1Ġw; fil-Punent biss l-Apokalissi u fil-Lvant biss Lhud.
Għall-Knisja Kattolika, il-Konċilju ta’ Trentu (1546) u Vatikan I (1870) iddefinixxew dommatikament li l-kotba tal-Bibbja fil-lista mogħtija huma Sagri għax ispirati minn Alla. F’xi Bibbji li għandhom l-ekumeniżmu fil-mira tagħhom, imsejħa Interkonfessjonali, bħalma hi tal-Għaqda Biblika Maltija, bi ftehim bejn is-Santa Sede u l-United Bible Societies iqiegħdu l-kotba dewtero-kanoniċi għalihom bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.