Il-qari ta’ matul iż-żmien tal-Avvent normalment jaqa’ f’erba’ kategoriji: l-ewwel ġimgħa t-tama, it-tieni ġimgħa l-preparazzjoni, it-tielet ġimgħa l-ferħ/paċi, u r-raba’ ġimgħa l-imħabba/l-adorazzjoni.
Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent ser nisimgħu lill-Profera Ġeremija, li jitkellem fuq it-tama: “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż” (Ġer 33, 15).
Fit-tieni Ħadd tal-Avvent insibu l-ewwel qari meħud mill-ktieb tal-Profeta Baruk, fejn it-tema tal-preparazzjoni tispikka. Fl-ewwel ftit versi ta’ dan insibu miktub: “Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek, u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla, qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx, Alla jsemmik għal dejjem ‘Sliem tal-Ġustizzja’ u ‘Glorja tal-Qima ta’ Alla’” (Bar 5, 1-3).
Fit-tielet Ħadd, il-Profeta Sofonija jagħmel aċċenn għall-ferħ, fejn jgħid: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, Iżrael, samma’ leħnek! Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik, keċċa l-għedewwa tiegħek” (Sof 3, 14-15).
Fl-aħħar Ħadd tal-Avvent tispikka t-tema tal-imħabba, fejn il-Profeta Mikea jgħid: “U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu” (Mik 5, 3).
Dan il-qari għandu jgħinna fil-preparazzjoni personali tagħna għall-festa tal-miġja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, għaliex jerġa’ jeħodna lura u jdaħħal lilna wkoll fit-tħejjija tal-Poplu Lhudi għall-miġja tal-Messija.