Ħafna jassoċċjaw il-Milied ma’ żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet. Forsi kultant dan il-ferħ jaf ikun sfurzat, jew inkella superfiċjali għaliex jiffoka wisq fuq dak li huwa materjali u li jgħaddi. Biss, fir-realtà, iż-żmien tal-Milied għan-nisrani huwa żmien ta’ ferħ għaliex f’dan iż-żmien niftakru u niċċelebraw l-imħabba bla qies ta’ Alla. Meta waslet il-milja taż-żmijiet, Ġesù, l-Iben ta’ Alla, tneżża’ minn kollox u sar bniedem bħalna. Kemm huma sbieħ il-kliem ta’ Sant’Atanasju: “Alla sar bniedem, sabiex il-bniedem isir Alla,” jiġifieri, kif insibu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, sabiex il-bniedem jissieħeb fn-natura divina ta’ Alla.


Allura wieħed jistaqsi: għaliex dan iż-żmien nibdewh b’perjodu kważi penitenzjali, forsi saħansitra narawh xi ftit ta’ niket, fejn il-kulur liturġiku huwa dak vjola u hemm enfasi fuq l-indiema ta’ dnubietna? Iż-żmien liturġiku, illi jikkonsisti f’erbat Iħdud qabel il-Milied, insejħulu Avvent, kelma li ġejja mil-Latin adventus, li tfisser miġja. Huwa għalhekk li f’dan iż-żmien ta’ stennija hienja, aħna nagħrfu nħejju ruħna aħjar għall-miġja ta’ Ġesù, anke billi nindmu minn dnubietna.


Il-liturġija fi żmien l-Avvent tiġbor temi importanti fil-fidi tagħna fosthom li nishru, inħejju, nifirħu u fl-aħħar nilqgħu lil Ġesù f’ħajjitna. Infatti dawn l-erba’ temi nsibu l-enfasi tagħhom matul il-Ħdud tal-Avvent, tant illi fit-tielet Ħadd il-kulur liturġiku huwa dak roża li jissimbolizza l-ferħ. Sabiex tgħinna f’din il-mixja, il-Knisja tagħmel użu mill-girlanda tal-Avvent. Din tkun magħmulha minn ħaxix li hu dejjem aħdar, kif ukoll għandha forma ta’ ċirku, sinjal li jfakkarna li f’Alla la hemm bidu u lanqas tmiem. Kull nhar ta’ Ħadd tinxtegħel waħda mix-xemgħat tal-girlanda li jissimbolizzaw it-tama, il-paċi, il-ferħ u l-imħabba. Il-figura prinċipali taż-żmien tal-Avvent hija Marija Santissima, dik l-omm li b’tant stennija laqgħet lill-Iben ta’ Alla f’ġufha.


Tajjeb insemmu li l-Avvent jinqasam f’żewġ partijiet. Infatti, fiċ-ċelebrazzjonijiet u t-talb liturġiku naraw bidla fl-enfasi. Fl-ewwel parti, qabel is-17 ta’ Diċembru, insibu enfasi fuq it-tieni miġja ta’ Ġesù, fejn fl-aħħar taż-żminijiet ser jerġa’ jiġi Bin il-bniedem, din id-darba biex isir il-ġudizzju finali bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fit-tieni parti tal-Avvent imbagħad niffukaw fuq il-miġja ta’ Ġesù elfejn sena ilu, it-twelid tiegħu f’Betlehem. Għalhekk, mis-17 ta’ Diċembru ’l quddiem, l-ispirtu jkun iktar ferrieħi u ċelebrattiv għall-festa tal-Milied.

Mistoqsijiet

  • F’dan iż-żmien tal-Milied kif nista’ nħejji aħjar għall-miġja ta’ Ġesù fil-ħajja tiegħi?
  • Kif qiegħed nagħmel użu tajjeb miż-żmien illi jingħatali biex nagħraf inħejji għal-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù wara din il-ħajja?
  • Hemm ferħ fil-fond ta’ qalbi, dak il-ferħ li jiġi biss meta hemm Alla f’ħajti?