Il-Liturġija tas-Sigħat, jew inkella l-Uffiċċju Divin, huwa t-talba kontinwa u ta’ kuljum li l-Knisja bħala l-għarusa ta’ Kristu tagħmel sabiex tqaddes il-ħinijiet differenti tal-ġurnata bit-talb. Xi drabi tintuża l-kelma ‘Brevjar’ minn ‘breviarium’ li bil-Latin tfisser taqsira tal-Uffiċċju Divin li kien jintalab fil-komunitajiet reliġjużi. Il-mumenti tat-talb huma d-djalogu meditattiv fuq il-misteru ta’ Kristu mibni fuq il-Kelma ta’ Alla u talb u kitbiet oħrajn li nkitbu matul is-sekli u li jiffurmaw it-tradizzjoni tal-Knisja.
Fil-kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa tal-Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, insibu li l-Liturġija tas-Sigħat meta tintalab kif jixraq
“issir leħen l-Għarusa nnifisha li tkun qed titħaddet mal-Għarus, anzi jkun ukoll it-talba li Kristu, f’għaqda mal-Ġisem tiegħu, iressaq quddiem il-Missier.”
Sacrosanctum Concilium, par. 84.
B’kollox hemm ħames ‘sigħat’ differenti li huma mibnija b’għażla ta’salmi li jwasslu għall-qari mill-Iskrittura. L-iktar żewġ sigħat bażiċi u importanti huma t-talb ta’ filgħodu li jissejjaħ il-Lawdi u t-talb ta’ filgħaxija li jissejjaħ l-Għasar.
Il-Ħames sigħat tal-Uffiċju Divin huma:
- It-Talb ta’ Sbiħ il-Jum (il-Lawdi): Dan il-mument huwa sabiex iqaddes sbiħ il-jum u b’hekk jikkonsagra u jiddedika l-ġurnata lil Alla. Din is-siegħa tistedinna biex filwaqt li niċċelebraw ix-xemx tal-ġustizzja niftakru fil-jum ġdid tal-qawmien ta’ Kristu li fih aħna lkoll imsejħin nipparteċipaw.
- L-Uffiċċju tal-Qari: dan huwa magħmul minn innu, talb bis-salmi u mbagħad ikun hemm żewġ lezzjonijiet, waħda mill-Kelma ta’ Alla u oħra silta minn kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja, dokumenti uffiċjali tal-Knisja jew kitbiet spiritwali.
- It-Talb ta’ Nofs il-Jum: Dan il-mument ta’ talb jinqasam fi tliet ħinijiet u wieħed jista’ jagħżel ħin wieħed li jaqbel l-aktar ma’ meta t-talb tkun ser tingħad: fid-disgħa ta’ filgħodu, f’nofsinhar jew fit-tlieta ta’ wara nofsinhar. L-enfażi f’dawn il-ħinijiet iddur aktar fuq il-mumenti tal-passjoni ta’ Ġesù u anke fuq l-ewwel mumenti tax-xandir tal-Evanġelju. Dan il-mument iservi biex iġedded u jsaħħaħ it-talba kontinwa tagħna.
- It-Talba ta’ Filgħaxija (l-Għasar): Permezz ta’ dan il-mument il-Knisja, filwaqt li tirringrazzja lil Alla tal-ġurnata, toffri t-talb tagħha bħal inċens li jsir bħal sagrifiċċju ta’ filgħaxija (Salm 141, 2). F’dan il-mument nirringrazzjaw lil Alla.
- It-Talb ta’ Billejl (il-Kumpieta): Din hija l-aħħar talba fil-liturġija tas-sigħat qabel ma’ wieħed jistrieħ. L-għażla tas-salmi għal dan il-mument huma mimlijin b’fiduċja u telqa fil-Mulej.
Dawn il-ħames mumenti kollha jibdew bil-kliem: “O Alla, ejja eħlisni. Mulej, fittex għinni.” Apparti dawn il-mumenti, hemm ukoll mument ċkejken li jingħad fil-bidu tal-Uffiċċju Divin, proprju qabel is-sigħat l-oħrajn kollha msejjaħ bħala Invitatorium, jew aħjar is-Sejħa għat-Tifħir lil Alla. Dan il-mument jibda bir-responsorju ċkejken: “Mulej iftaħli xufftejja. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.” Intant dan ir-responsorju juri l-qalb u l-atteġġjament tal-Liturġija tas-Sigħat li mhux sempliċiment sforz uman li wieħed jagħmel kontinwament matul il-ġurnata sabiex jitlob imma huwa grazzja minn Alla li jibgħat fina l-Ispirtu qaddis tiegħu u jnissel fina t-tifħir xieraq quddiem il-misteru divin ta’ Kristu.
Filwaqt li l-Liturġija tas-Sigħat hija fdata b’mod speċjali lill-ministri sagri, u b’hekk għandha tingħad minn kull wieħed minnhom, il-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ sabiex il-lajċi wkoll jipparteċipaw f’din it-talba kontinwa u bla waqfien tal-Knisja.
Ta’ spiss fuq il-paġna Behold ikun hemm siltiet mis-salmi li jintalbu f’dik il-ġurnata partikolari. Idħol fil-paġna tal-lum u ħalli lil qalbek titlob permezz ta’ dan is-salm: https://behold.mt/itlob-permezz-tas-salmi/.