Għalkemm il-Karnival huwa festa mill-iktar profana, però għandu l-għeruq tiegħu fit-tradizzjoni reliġjuża. U dan għaliex il-Karnival huwa perjodu ta’ ftit ġranet fejn bħal donnhom ir-regoli jillaxkaw xi ftit u jkun hemm lok għax-xalar qabel ma jibda ż-żmien tar-Randan li jġib miegħu (forsi dari iktar mil-lum) sawm u penitenza stretta.

Jinghad li f’Malta l-Karnival bdewh il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kienu jkunu jiem fejn id-distinzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali kienu jmajnaw xi ftit, u saħansitra diversi drabi ta lok għal atti immorali. Kien minħabba f’hekk li l-Gran Mastru Lascaris kellu jdaħħal xi projbizzjonijiet u li minħabba fihom baqgħet tintuża l-espressjoni “wiċċ Laskri.”

Illum nagħtu importanza kbira lill-karrijiet u ż-żeffiena, u xi party ma jonqos. Imma qabel l-element spontanju kien ħafna iktar b’saħħtu—xi ħaġa li kienet tagħmel dawn iċ-ċelebrazzjonijiet iktar naturali.

Forsi l-ferħ tal-jiem tal-Karnival iktar milli jnessuna ċ-ċaħda li ġejja, iridu jfakkruna xi ftit mit-tifsira vera tas-sawm u ċ-ċaħda li ma għandhom ineħħu xejn mill-ferħ tan-nisrani. Fid-Diskors tal-Muntajna, lil dawk li kienu madwaru Ġesù jwissihom li:

Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu. Mattew 6, 16-18

Iċ-ċaħda hija espressjoni tal-ferħ li jiġi mill-għażla ta’ Alla fuq kollox li tagħtina libertà sħiħa sabiex niksbu d-don tiegħu. Forsi dan hu li tassew kulħadd jistenna, imma jekk jeħel biss sal-bluha tal-Karnival ma jasalx biex iduqu.