Waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet partikulari fil-liturġija hija dik tal-Erbgħa tal-Irmied. Nhar l-Erbgħa tal-Irmied isir it-tberik u t-tqegħid tal-Irmied fuq ras in-nies. Din issir eżatti wara l-omelija jew il-proklamazzjoni tal-Evanġelju u tieħu post l-att penitenzjali li jsir fil-bidu tal-quddiesa. Filwaqt li m’hemmx regola partikolari li tgħidlek kemm għandu jdum l-irmied fuq rasek, fir-realtà dan huwa simbolu profond li għandu sinifikat mhux sempliċiment għar-Randan imma għal ħajjitna kollha.

Qabel xejn l-irmied li jiġi użat f’din iċ-ċerimonja ġeneralment huwa l-irmied tal-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ li jkunu ntużaw is-sena ta’ qabel waqt Ħadd il-Palm. B’hekk hemm għaqda bejn il-bidu tar-Randan u t-tmiem tiegħu, meta aħna nfakkru l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Dan iż-żmien penitenzjali tar-Randan jdur kollu fuq il-misteru tas-salib ta’ Kristu.

Filwaqt li n-nies jersqu b’forma ta’ purċissjoni, is-saċerdot huwa u jqiegħed l-irmied fuq ir-ras tal-fidili, itenni waħda minn dawn iż-żewġ versi bibbliċi: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”, jew inkella “Ftakar, bniedem, li inti trab u lejn it-trab terġa’ tmur.”

L-ewwel vers huwa kliem Kristu nnifsu fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, eżattament wara li Ġwanni l-Battista kien mitfugħ il-ħabs (Mk 1, 15). Għalhekk dan il-kliem juru l-bidu tal-mixja sħiħa li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu, l-istess mixja li jixtieq jagħmel magħna fil-bidu tar-Randan. It-tieni vers huwa meħud mill-ktieb tal-Ġenesi fejn, wara l-waqgħa ta’ Adam u Eva, Alla jwettaq il-ġudizzju tiegħu (Ġen 3, 19). F’dan il-mument Adam u Eva ġew imkeċċija mill-Ġnien tal-Għeden u ddestinati għal ħajja mortali, jiġifieri ħajja li fiżikament tintemm bil-mewt. Dan il-ġest tat-tqegħid tal-irmied ifakkarna kemm fil-mortalità tagħna u allura kemm huwa importanti li ma norbtux qalbna mal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u kif ukoll fis-sejħa ta’ Kristu biex nindmu u nemmnu.

Barra minn hekk, l-użu tal-irmied insibuh ukoll bosta drabi fit-Testment il-Qadim bħala sinjal ta’ ndiema waqt li l-bniedem jitlob il-ħniena lil Alla. Fil-ktieb ta’ Ġuditta nsibu li “kull raġel u mara f’Iżrael, it-tfal u kull min kien joqgħod Ġerusalemm, inxteħtu quddiem is-santwarju, u xeħtu l-irmied fuq rashom u firxu l-ilbies tax-xkejjer quddiem il-Mulej” (Ġud 4, 11). Fil-ktieb ta’ Ġona nsibu kif, meta l-profeta sejjaħ lill-poplu  għall-indiema u l-konverżjoni, is-sultan ta’ Ninwè “jneħħi minn fuqu l-mantell tiegħu, jinkesa bi xkora, u jintasab fuq l-irmied” (Ġon 3, 6). Bħal dawn insibu eżempji oħra bħal f’Ġob, Ester, Samwel u Danjel. L-irmied huwa simbolu ta’ ndiema, luttu, umiltà u penitenza. Hekk ukoll għalina fil-bidu tar-Randan, permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Erbgħa tal-Irmied nagħrfu l-importanza li nindmu minn dnubietna u b’umiltà kbira nilqgħu l-ħniena ta’ Alla.

San Ġwanni Pawlu II fl-2000 fissrilna kif dan ir-rit liturġiku tal-Erbgħa tal-Irmied bit-tberik u tqegħid tal-irmied huwa ġest sempliċi imma b’sens profond ħafna u dan għaliex “il-Knisja tfakkar lil-bniedem, fidil u midneb, fid-dgħufija tiegħu fil-konfront tal-ħażin u b’mod speċjali fid-dipendenza tiegħu fuq il-qawwa infinita ta’ Alla.”

Forsi vera li, ftit wara l-funzjoni, l-irmied ikun telaq minn fuq rasna, imma dan is-simbolu jfakkarna fir-realtà ta’ ħajjitna li, minkejja l-fraġilità u d-dgħufija tagħna, Alla jwasslilna s-salvazzjoni u l-ħniena tiegħu permezz ta’ Kristu.

Ieqaf u aħseb:

  • Ieqaf ftit u aħseb ma’ xiex hija marbuta qalbek. Ftakar li aħna lkoll mortali.
  • Irrifletti ftit fuq il-kliem: “Indem u emmen fil-bxara t-tajba.” Xi jfissru dawn il-kelmiet fil-kuntest ta’ ħajtek bħalissa?