Imma l-quddiesa fuq it-televixin tgħodd? Li nsegwi l-quddiesa permezz tal-livestream fuq il-midja soċjali biżżejjed? Dawn huma domandi li jekk forsi qatt ma staqsejnihom aħna, żgur dan iż-żmien tal-pandemija wassal lil xi wħud minna biex nikkunsidrawhom.
Kemm kienet esperjenza sabiħa li nhar il-Ħadd 18 ta’ April ta’ din is-sena, wara żmien li ma kienx possibbli li niċċelebraw il-liturġija flimkien bħala komunità ġewwa l-knejjes tagħna, dakinhar il-ġemgħa nisranija reġgħet irritornat bi ħġarha lejn il-knisja sabiex flimkien tiċċelebra l-fidi. Bosta nies stqarrew id-differenza bejn quddiesa segwita online jew fuq it-televixin u dik fil-knisja.
Il-kelma ‘Knisja’, bil-Grieg ekklesia, ġejja mill-verb ‘kaleo’, li jfisser li ‘ssejjaħ’. Dan ifisser li l-kelma Knisja tirreferi għall-komunità ta’ nies li huma msejħin mill-bqija sabiex flimkien jiltaqgħu u jfaħħru lil Alla. Il-liturġija, li hija t-talba kontinwa tal-Knisja, qatt mhija talba privata imma hija t-talba tal-ġemgħa maqgħuda flimkien.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, b’mod speċjali waqt il-quddiesa, l-insara jinġabru sabiex f’post sagru flimkien bħala komunità jagħtu glorja lil Alla. Fit-talb liturġiku jintużaw diversi simboli u ġesti biex jgħinu lill-insara jidħlu dejjem aktar fil-profond tal-misteru ta’ Alla. Dan kollu huwa diffiċli li jiġi trażmess meta l-liturġija tiġi mxandra fuq it-televixin jew online.
Dan ifisser li l-komunità miġbura flimkien ġewwa l-knisja dejjem tibqa’ l-post privileġġjat tat-talb liturġiku. Fl-istess waqt, il-liturġija mxandra fuq it-televixin jew online tista’ sservi ta’ għajnuna sabiex dawk li ma jistgħux jinġabru flimkien mal-bqija tal-komunità biex jieħdu sehem fil-liturġija, ikunu jistgħu jassistu f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Meta nieħu sehem fil-liturġija, b’mod speċjali waqt il-quddiesa, kemm napprezza l-komunità li flimkien magħha, bħala Knisja, nagħtu glorja ’l Alla?