Ta’ kull sena fit-2 ta’ Frar, propju 40 jum fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, fil-Knisja niċċelebraw s-Solennità tal-Preżentazzjoni tal-Mulej Ġesù fit-tempju ta’ Ġerusalemm, jew kif ġeneralment nirreferu għaliha bħala l-Kandlora. Din il-festa nafu li kienet tiġi ċċelebrata sa mir-raba’ seklu ġewwa Ġerusalemm u kienet infirxet f’Biżanzju fis-sitt seklu u mbagħad f’Ruma fis-seba’ seklu. Imma x’niċċelebraw f’dan il-jum?
Proprjament niċċelebraw mument b’żewġ ċerimonji importanti għall-Familja Mqaddsa li nsibuhom irrakuntati fl-Evanġelju ta’ San Luqa:
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
Luqa 2,22-24
Bħala familja Lhudija u ubbidjenti għal-liġi ta’ Mosè, il-Familja Mqaddsa 40 jum wara t-twelid ta’ Ġesù marret fit-tempju għar-rit ta’ purifikazzjoni. Matul dan ir-rit il-mara kienet
“iġġib ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u beċċun ta’ ħamiema jew gamiema għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u tagħtihom lill-qassis quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.”
Levitiku 12, 6
Fil-każ li l-mara ma jkollix biżżejjed biex toffri ħaruf, tieħu biss ż-żewġ gamimiet jew bċieċen, wieħed għall-ħruq u l-ieħor għas-sagrifiċċju ta’ purifikazzjoni. Dan kien il-każ ta’ Marija. Minkejja li Marija hija safja sa mit-twelid u għalhekk aħna nafu li dan ir-rit ma kien neċessarju għaliha, madanakollu Marija bħala Lhudija ubbidjenti osservat dan ir-rit.
Ma’ dan ir-rit imbagħad il-Lhud għaqdu wkoll il-preżentazzjoni tal-ewwel tifel u d-dedikazzjoni tiegħu lil Alla. Billi ma kienx hemm regola espliċita li tobbliga lill-familja tagħmel dan, ma kienx hemm għalfejn li din il-preżentazzjoni ssir minn qassis, u b’hekk ħafna drabi kienet issir mill-ġenituri stess. Fil-każ ta’ Ġesù kien Xmuni li ħadu f’idejh u ppreżentah lil Alla.
B’hekk l-Insara f’dan il-jum ifakkru kemm il-purifikazzjoni ta’ Marija—infatti fil-kalendarju liturġiku tal-1962 hekk kienet imsejjħa din is-solennità—u kif ukoll il-preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju. L-isem Kandlora ġej mill-kelma candela, xemgħa bil-Latin, u dan għaliex f’din is-solennità fil-bidu tal-quddiesa jsir it-tberik tax-xemgħat u purċissjoni lejn l-altar imqaddes. Ix-xemgħat jissimbolizzaw id-dawl u proprju f’dan il-jum infakkru meta Xmun stqarr li Ġesù huwa “id-dawl tal-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Iżrael” (Lq 2, 32).
Fl-1997 il-Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ lill-insara biex din il-ġurnata tkun jum dinji ta’ talb għal ħajja kkonsagrata. Dan għaliex in-nisa u l-irġiel ikkonsagrati huma msejħa biex b’ħajjithom stess jimmitaw mill-qrib lil Kristu, li huwa d-Dawl tad-dinja.
Ieqaf u aħseb
- Jien immexxi mid-Dawl f’ħajti? Hemm xi post mudlam f’qalbi li għadni ma ħallejtx lil Kristu jdawwlu?
- Inħalli lill-Mulej jużani bħala strument tiegħu biex inkun ta’ dawl għall-oħrajn, jew bi kliemi u għemili ġieli nfixkel minflok irressaq lill-oħrajn lejn id-Dawl veru?
- Nitlob lil Ġesù l-grazzja biex isaffani u jwettaqni biex nagħżel id-Dawl mid-dlamijiet.