Minn sentejn ilu ’l hawn, il-Papa Franġisku waqqaf it-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena bħala Jum il-Kelma ta’ Alla, bil-għan li l-Poplu ta’ Alla jikber fil-familjarità tiegħu mal-Iskrittura Mqaddsa. U dan il-bżonn huwa naturali għax, kif josserva l-Konċilju Vatikan II, Kristu “huwa preżenti fil-kelma tiegħu għaliex ikun hu nnifsu li jitkellem meta fil-Knisja jinqraw il-Kotba Mqaddsa” (Sacrosanctum Concilium, par. 7). L-istess dokument tal-Konċilju fil-fatt jirreferi għal dik il-parti tal-quddiesa li fiha naqraw mill-Kotba Mqaddsa bħala “l-mejda tal-Kelma” (par. 51), li minnha nitrejqu qabel ma nieħdu sehem fil-mejda tal-Ewkaristija.

Biex toħroġ iktar din id-dinjità tal-Kelma ta’ Alla mxandra waqt il-Liturġija, fil-knisja nsibu post speċifiku u fiss minn fejn dan iseħħ: l-ambone.

L-iżvilupp tal-ambone għandu storja interessanti. Sa mill-bidu nett, il-qari tal-Iskrittura kien element importanti ħafna fil-liturġija. Il-kotba kienu rari ħafna. U allura dak li l-insara tal-bidu kienu jafu dwar il-Bibbja, it-tagħlim ta’ San Pawl, il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù, kienu jitgħallmuh proprju mill-qari waqt il-liturġija u mill-omeliji li kienu jispjegaw il-Kelma lill-poplu.

L-ewwel parti tal-liturġija—fl-antik imsejħa l-liturġija tal-Katekumeni għax għaliha setgħu jidħlu anke dawk li kienu qed jiġu mħejjija biex jitgħammdu, u kienu joħorġu eżatt qabel l-offertorju—għandha xebh kbir mal-liturġija li kienet tiġi ċċelebrata fis-sinagogi, il-post tat-talb tal-Lhud. Fil-fatt, l-ambone stess għandu din l-oriġini Lhudija. F’kull sinagoga kien ikun hemm pjattaforma b’leġiju fuqha minn fejn kienet tinqara l-Iskrittura. Dan l-arranġament ġie amalgamat mal-arranġament tal-bażilika Rumana.

Il-kelma “ambone” ġejja mill-Grieg u litteralment tfisser quċċata ta’ għolja u biex tirreferi għal xi ħaġa elevata (pjattaforma). Il-Papa Innoċenz III (1198-1216) jorbot mal-ambone kwotazzjoni mill-Profeta Isaija: “Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm” (Is 40, 9); u anke l-ġest ta’ Ġesù li jitla’ fuq l-għolja biex jipprietka (PL 217.823). Oriġinarjament kien ikun hemm ambone wieħed f’kull knisja, u kien ikollu t-taraġ minn żewġ naħat, biex min-naħa tinqara l-Epistola mis-suddjaknu, u min-naħa oħra l-Evanġelju mid-djaknu.

Maż-żmien, bdew jinbnew żewġ ambonijiet, wieħed minn fejn kienet tinqara l-lezzjoni u l-ieħor minn fejn kien jinqara l-Evanġelju. Fil-Bażiliċi ta’ San Clemente u ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, dawn iż-żewġ ambonijiet tal-ewwel sekli għadhom hemmhekk. L-Ambone tal-Evanġelju kien ikun iktar għoli, u kellu d-dehra ta’ pulptu baxx, u miegħu kien ikun hemm gandlier permanenti (minn hawn ġejja li l-blandun jitqiegħed in-naħa tal-ambone). Dawn l-ambonijiet ġieli kienu jiffurmaw parti minn pjattaforma fejn ikun hemm is-sedji tal-kor, kif insibu fil-Bażiliċi ta’ Santa Sabina u ta’ San Clemente.

Bażilika ta’ San Clemente f’Ruma

Biż-żmien, meta fil-Medju Evu beda jinbidel it-tqassim tal-knejjes minn ġewwa, l-ambone spiċċa nbidel fil-pulptu kif nafuh illum u kien jintuża speċifikament għall-predikazzjoni.

Bit-tiġdid liturġiku li seħħ wara l-Konċilju Vatikan II, l-ambone reġa’ kiseb l-importanza li kellu fl-ewwel żminijiet tal-Knisja bħala post speċifikament iddedikat għall-Kelma ta’ Alla u għal affarijiet marbutin direttament magħha, bħalma huma l-omelija (li tfisser il-Kelma lill-poplu) u t-talbiet tal-ġemgħa (li joħorġu frott tal-laqgħa mal-Kelma). Jekk l-altar huwa l-mejda li minn fuqha jitqassam lill-insara l-ħobż Ewkaristiku, l-ambone hu l-mejda li minn fuqha jitqassam il-ħobż tal-Kelma ta’ Alla.