Għalkemm wara l-festa tal-Magħmudija tal-Mulej il-Knisja tibda bl-ewwel ġimgħa taż-żmien liturġiku ordinarju, l-imsemmija festa u wkoll il-Liturġija tal-Kelma tat-Tieni Ħadd ta’ Matul is-Sena xorta waħda jkomplu t-tema tal-Epifanija tal-Mulej li din is-sena ċċelebrajniha b’ħeffa jum biss wara l-ewwel tas-sena.

Fit-tradizzjoni Nisranija, l-Epifanija mhijiex biss it-tifkira ta’ meta l-Maġi żaru lil Ġesù u tawh tliet rigali—deheb, inċens u mirra. Il-Kelma epifanija ġejja mill-Grieg u tfisser manifestazzjoni, rivelazzjoni. U allura l-misteru ta’ Alla li juri ruħu lid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù Kristu jkompli jestendi ruħu lil hinn minn dik iż-żjara fil-belt ċkejkna ta’ Betlehem li permezz tagħha l-Feddej intwera wkoll lill-ġnus tad-dinja. It-Tradizzjoni Liturġika tinkludi wkoll il-magħmudija u t-tieġ ta’ Kana f’din il-manifestazzjoni. Fil-fatt, fl-Antifona tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum tal-Epifanija nsibu hekk:

Illum il-Knisja ngħaqdet mal-Għarus tagħha tas-sema, għax Kristu naddafha minn ħtijietha fil-Ġordan; il-maġi jħaffu bir-rigali tagħhom għall-festa tat-tieġ tas-Sultan; u l-ilma mibdul fi nbid iferraħ il-mejda, hallelujah.

U anke fit-talba tal-Għasar, f’dak l-istess jum filgħaxija, il-Knisja tgħolli leħinha u tgħanni hekk:

Niċċelebraw il-jum qaddis, imweġġaħ bit-tifkira ta’ tliet għemejjel tal-għaġeb: illum il-kewkba wasslet lill-maġi ħdejn il-maxtura; illum l-ilma nbidel fi nbid għall-festa tat-tieġ; illum Kristu għoġbu jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan biex isalvana, hallelujah.

Kif insibu mfisser fl-Introduzzjoni Ġenerali għal-Lezzjonarju (par. 105),* fit-Tieni Ħadd taż-Żmien Matul is-Sena, l-Evanġelju jkompli jiffoka fuq il-manifestazzjoni tal-Mulej, f’Sena Ċ permezz tal-Evanġelju tat-tieġ ta’ Kana, u fis-snin l-oħra permezz ta’ żewġ siltiet mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann.

Għaldaqstant, minkejja li l-armar tal-Milied issa laħaq sab ruħu fil-kaxxi, xorta waħda l-Liturġija tkompli ddewwaqna mill-ġmiel ta’ dan il-misteru li ġie muri lilna sabiex twettaqni fil-mixi tagħna aħna u nirrankaw f’din is-sena ċivili ġdida.

* Il-Lezzjonarju huwa l-ktieb li fih ikun hemm miġbura s-siltiet tal-qari li jinqraw waqt il-Quddiesa.