Il-ġrajja tal-Maġi b’xi mod iġġegħilna nħarsu lejn is-sema. U, fl-iljieli xitwin, meta ma jkunx imsaħħab, bis-star tas-sema iktar sewdieni mis-sajf, il-kwiekeb ikunu jilmaw iktar. Għalkemm l-oroskopju huwa waħda minn dawk il-ħmerijiet pjuttost antiki imma li xorta baqgħu moda, fl-istess ħin l-osservazzjoni tal-istilel hija xi ħaġa affaxxinanti u tfakkarna fil-kobor immens ta’ dan l-univers li fih ngħammru u, fuq kollox, f’kemm hu ikbar dak li għamlu. U, anke jekk ma tkunx xjenzat, bil-għajnuna ta’ siti fuq l-internet, dak li jidher sema kollu tikek ileqqu jibda jieħu ‘forma’ għax tibda tagħraf liema huma l-kwiekeb, x’jisimhom skont l-ismijiet li tajniehom aħna l-bnedmin biex nagħrfuhom.  

Fix-xitwa, waħda mill-iktar kostelazzjonijiet (jew imħalel, bil-Malti iktar safi) li faċli tagħrafha hi dik tal-Ġgant (Orion), b’mod speċjali minħabba l-forma tagħha. Kewkba oħra ferm importanti hija l-Kewkba tat-Tramuntani (jew il-Kewkba tas-Safar) li timmarka kważi bi preċiżjoni fejn hu t-Tramuntana u li hi l-unika kewkba li, minħabba fil-pożizzjoni tad-dinja, hija fissa fl-istess post. 

B’xi mod, l-eżerċizzju biex tipprova tagħraf liema huma l-kwiekeb huwa xbieha tal-isfida spiritwali li, bħall-Maġi, insibu l-kewkba ta’ Kristu fil-ħajja tagħna—dik il-kewkba li hi biss tista’ tiggwida ħajjitna u twassalna fil-port tas-salvazzjoni.  

F’dan l-eżerċizzju, l-ewwel sfida hi li tgħix konxju li jeżisti s-sema. Tant m’għadniex narawhom li bħal donna ninsew li l-kwiekeb jeżistu fil-verità u mhux biss fil-ħrejjef tat-tfal u fuq is-siġar tal-Milied. Aħna spiss ngħixu daqslikieku s-sema ma jeżistix, ħarsitna dejjem lejn l-art li, minn banda tajjeb għax ma nibilgħux xi ħofra, imma mill-banda l-oħra hija perspettiva wisq limitata għax il-bniedem hu maħluq għall-kobor u mhux għaċ-ċokon. Kobor mhux li jilħaq xi ħaġa jew kburija, imma kobor għax hu maħluq biex f’qalbu jesa’ u jilqa’ lil Alla. Għax kienu jgħixu f’din it-tensjoni, b’saqajhom mal-art u ħarsithom lejn is-sema, il-Maġi setgħu jindunaw li ġara xi ħaġa, għarfu s-sinjal ta’ Alla. Aħna kultant wisq aljenati biex nindunaw li Alla veru jeżisti, iħobbna u jkellimna b’affarijiet ċkejknin li faċli ma nagħtux kashom, imma li fl-istess ħin meta nagħrfuhom nifhmu b’ċarezza li hu Alla dak li ġie jiltaqa’ magħna.  

It-tieni sfida hi li mhux biss tkun trid imma wkoll li jirnexxilek tara s-sema. Minħabba l-bini u d-dwal, f’ħafna akwati f’Malta hu diffiċli tilmaħ it-tikek tal-fidda li jdommu s-sema. Fit-tfittxija għal Kristu, it-tieni sfida hija l-preżenza ta’ ħafna dwal oħra li jiġbdulna l-attenzjoni. Dwal li mhux neċessarjament huma ħżiena għax joffrulna sigurtà u divertiment bħad-dwal tat-toroq, imma qed jisirquna milli naraw is-sema fis-sbuħija kollha tiegħu. Qed jisirqulna l-ħin u l-ħeġġa għad-dawl ta’ Kristu, li forsi mhuwiex dawl daqshekk qawwi imma hu dawl li qiegħed dejjem hemm, kostanti, li ma jinqata’ qatt u ma jgħaddi qatt żmienu.  

It-tielet sfida hi li trid tħares lejn in-naħa t-tajba biex tilmaħ il-kewkba jew l-imħalla li tkun qed tfittex. U jekk ma tkunx qed tħares lejn in-naħa t-tajba, tibqa’ ma ssibx li tkun qed tfittex. Imma meta ssibha, imbagħad l-istampa sħiħa tibda tagħmel iktar sens. Fil-ħajja din tista’ wkoll tiġrilna meta naħsbu li sibna lil Kristu u ma nkunu sibnieh xejn. Naħsbu li sibna lil Kristu u ma nkunux sibnieh meta jkun Kristu skont il-kejl tiegħi: Kristu kif jogħġob lili, Kristu li jaqbel mal-opinjoni tiegħi flok jiggwida l-opinjoni tiegħi; Kristu li jagħtini raġun flok Kristu li jdawwal ir-raġuni tiegħi, bil-konsegwenza li nispiċċa nsib ruħi fejn ma nixtieqx u fejn m’għandix inkun, ukoll jekk inħossni kuntent għax Kristu qed jagħmilli l-ħajja komda. Imma Kristu naqdfu fil-fond iridna, inbaħħru f’baħar imqalleb, naqsmu d-deżert, għax hekk biss nistgħu naslu għandu u nsibu dak li qalbna verament tixtieq. 

Nawguralek li, bħall-Maġi, qed jirnexxilek issibha l-kewkba ta’ ħajtek, li hi Kristu, u li qed itterraq warajh. Fil-bidu ta’ din is-sena nawguralek il-kumplament tal-vjaġġ it-tajjeb!