Id-deżerta tkun għadha lanqas niżlet sew xħin insib ruħi fuq l-altar għat-tieni Għasar tal-Milied. U bi stonku mimli ma tantx tkanta sew. Imma s-solennità tal-liturġija tagħti ftit togħma iktar tas-sema lil ċelebrazzjoni li bħal donnha iktar spiċċat tad-dinja. Wara l-innu tal-bidu, inpoġġu bil-qiegħda u nibdew is-Salmi. L-ewwel salm, Salm 110 (109), jinstema’ tassew jixraq, kemm għax fih il-Knisja tagħraf lil Kristu fis-sebħ tar-regalità tiegħu imma wkoll għax fih nindirizzawh u nweġġħuh proprju fit-twelid tiegħu:

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek fuq l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

Salm 110, 3

Imma xħin nibdew it-tieni salm, neħel. U nkun ittentat inqalleb il-paġna biex naċċerta ruħi li qed naqra mill-post it-tajjeb u mhux tgerfixt (forsi tort ta’ ftit inbid żejjed). Però żball ma nkunx ħadt u nibqa’ nhewden għalfejn, minn tant salmi, il-Knisja tagħżel Salm 130, magħruf bħala De Profundis proprju għax jibda bil-kliem, “Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej”—Salm li iktar nassoċjawh mal-funerali milli mal-Milied. Imma l-Knisja tagħmel din l-għażla u għal sitt ijiem oħra terġa’ tgħannih kuljum fil-għasar matul l-ottava tal-Milied. Fil-katekeżi tiegħu nhar id-19 ta’ Ottubru 2005, il-Papa Benedittu XVI jikkummenta li dan is-Salm jintuża fi żmien il-Milied proprju għax, l-ewwel u qabel kollox, huwa innu lill-ħniena ta’ Alla u talba għar-rikonċiljazzjoni bejn il-midneb u Alla.

Imma forsi wkoll hemm misteru ieħor li dan is-Salm ifakkarna fih waqt li nitolbuh. Jekk naddottaw il-metodu ta’ Santu Wistin li f’xi Salmi jagħraf leħen Kristu li qiegħed jitlob kemm personalment u kif ukoll fil-ġisem mistiku tiegħu, meta tisma’ dan is-salm bħal donnu ħiereġ minn fomm Ġesù, dan il-kliem jieħu dimensjoni oħra, forsi wkoll xi ftit iktar kruda u konkreta, imma b’daqshekk xejn inqas profonda: l-Iben ta’ Alla li mill-għoli divin tiegħu, għall-imħabba u l-fidwa tagħna, jissabbat sal-qiegħ u jieħu dan il-laħam imsejken tagħna fuqu, u miegħu jieħu wkoll fuqu l-piż tad-dnub tagħna u jġarrab l-emozzjonijiet kollha marbutin miegħu, bħalna huma t-toqol, id-distanza minn Alla (hekk li jsejjaħlu Sid u mhux Missier), id-dieqa li tqanqal il-karba għall-ħniena. U, f’isem din l-umanità li issa sar parti minnha, jitlob il-ħelsien mingħand il-Missier: jitolbu jdawwar il-ħarsa tiegħu minn fuq il-ħtijiet li jqishom tiegħu, minkejja li hu innoċenti u bla dnub personali, u jistenna bit-tama s-siegħa meta dan kien ser iseħħ fih…

U fil-frattemp, wasalna fil-Glorja, u aħjar nipprepara biex inqum ħalli nkanta l-antifona tal-Kantiku g]ax imissni jiena. Imma dan il-ħsieb ta’ Alla li jaf xi tfisser sal-qiegħ xi tkun bniedem inħossu jimlieni ferm iktar minn dak kollu li bih imtlejt bla ma xebbajt lil ruħi bih!