Xi drabi qisna nsibuha bi tqila biex bil-kliem fqajjar tagħna nfissru l-kobor ta’ Alla u tar-relazzjoni tagħna miegħu. Dan mhux sempliċiment għax kull lingwa hija limitata fl-espressjonijiet tagħha, imma wkoll għax lil Alla mhux sempliċiment nifhmuh bħal kwalunkwe ħaġa oħra. Għaldaqstant, xi drabi nagħmlu użu minn kliem kemxejn tqal, biex nippruvaw inqarrbu lejn dak li nixtiequ nfissru, u eżempju ċar ta’ dan huwa l-kelma ‘mistagoġija’.
Din il-kelma ġejja mill-Grieg, ‘mystagōgia’, li tfisser id-dħul jew l-inizjazzjoni fil-misteri. Mistagoġija hija l-proċess ta’ dħul dejjem aktar fil-fond tal-misteru tal-imħabba ta’ Alla għalina l-bnedmin. Intant, il-liturġija hija minnha nnifisha mistagoġija għaliex, waqt li niċċelebraw il-misteri qaddisa, aħna mhux sempliċiment spettaturi, imma wkoll parteċipi fl-istess misteru tal-imħabba ta’ Alla.
Fil-bidu tal-Knisja, il-kelma ‘mistagoġija’ kienet tirreferi għal perjodu partikolari ħafna. Il-dekriminalizzazzjoni u eventwalment id-dikjarazzjoni tal-Kristjaniżmu bħala r-reliġjoni uffiċjali tal-Imperu Ruman, wasslet biex ħafna pagani bdew jikkonvertu għall-fidi Kristjana. B’hekk inħass il-bżonn li, qabel ma wieħed jiġi mgħammed, isir proċess ta’ katekeżi fejn wieħed jiġi ffurmat biex jilqa’ kif jixraq is-sagrament tal-magħmudija.
Biss, il-Knisja għarfet li ma kienx biss bżonjuż perjodu ta’ preparazzjoni, iżda wkoll ta’ akkumpanjament wara s-sagrament tal-magħmudija. Għal madwar ġimgħa fuq l-Għid, l-imgħammdin ġodda kienu jiltaqgħu, mhux aktar biex jitgħallmu d-duttrina, iżda biex jidħlu dejjem aktar fil-misteru li jkun ġie ċċelebrat fl-Għid Imqaddes.
L-imgħammdin ġodda, li kienu jissejħu ‘neofiti’—kelma oħra li ġejja mill-Grieg li tfisser ‘xitla ġdida’—kienu jiltaqgħu biex jirriflettu fuq ir-riti, il-ġesti u s-simboli li jkunu ġew użati waqt il-Vġili tal-Għid, u x’implikazzjoni għandhom għal ħajjithom. Matul din il-ġimgħa, in-neofiti kienu jibqgħu lebsin it-tunika bajda li biha kienu ġew mgħammda waqt il-Vġili tal-Għid, simbolu tal-purità u l-indafa tal-magħmudija. Illum il-ġurnata, il-perjodu tal-mistagoġija jkompli matul il-perjodu kollu tal-Għid, jiġifieri jintemm biċ-ċelebrazzjoni ta’ Pentekoste, ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir.