Il-verb Grieg meno (tishar/toqgħod ma’) jenfasizza r-rabta li l-Iben kellu mal-Missier. L-Ispirtu jinżel fuq Ġesù u, kif xehed Ġwanni fil-magħmudija, “joqgħod (emeinen) fuqu,” u huwa permezz ta’ dan l-Ispirtu li Ġesù jgħammed. Fir-rabta tiegħu mal-Ispirtu, huwa jwassal lill-oħrajn biex jirċievu l-Ispirtu.

Ġesù jistieden lill-ewwel dixxipli biex imorru u jaraw fejn huwa joqgħod (meneis) u huma jibqgħu miegħu (emeinan) (1, 35-39). Din ir-relazzjoni li mhijiex sfurzata twassal lid-dixxipli biex jibdew vjaġġ biex jagħrfu min hu Alla. 

Wara t-tieġ f’Kana tal-Galilija, l-Evanġelista jispeċifika li: “Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm (emeinan) għal ħafna żmien” (2, 12). B’dan il-vers jew mingħajru, l-iżvilupp tax-xena ma tantx jinbidel. Iżda permezz ta’ dan il-vers, l-Evanġelista jindika li Ġesù kellu relazzjoni profonda mad-dixxipli—huma saru parti mill-familja tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, id-dixxipulat ifisser b’mod sempliċi li toqgħod tishar ma’ Ġesù. Infatti, dawk li mill-bidu jishru ma’ Ġesù, huma wkoll l-ewwel xhieda tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu” (15, 26-27).Id-dixxiplu huwa dak li jimxi wara Ġesù. Marija hija xempju tad-dixxipulat: hija hi preżenti fil-bidu tal-Evanġelju fil-miraklu ġewwa Kana (2, 3), u terġa’ tidher taħt is-salib, meta kulħadd, ħlief id-dixxiplu l-maħbub, kien telaq. Ir-rabta ta’ bejn Ġesù u d-dixxiplu bħala mħabba ta’ sahra, tikxef l-identità tar-rabta bejn Ġesù u l-Ispirtu, u, bis-saħħa ta’ dan, l-imħabba ta’ bejn Ġesù u d-dixxipli tikxef b’xi mod l-imħabba Trinitarja. L-imħabba ta’ bejn Ġesù u d-dixxipli hija estensjoni tal-imħabba ta’ bejn il-Missier u l-Iben: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi…. Ibqgħu (meinate) fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija” (15, 1.4). Dan id-diskors fuq id-dielja jfakkarna wkoll fl-Ewkaristija. Ġesù huwa “l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (6, 51). Huwa permezz t’hekk li nistgħu nibqgħu miegħu għal dejjem.