Marbuta mal-festa ta’ Lapsi, barra numru ta’ pellegrinaġġi li kienu jsiru f’postijiet differenti fosthom San Ġiljan u x-Xgħajra fejn kien hemm meqjuma xbieha tat-Tlugħ is-Sema tal-Mulej, hemm ukoll il-bandla. Din kienet tkun bandla magħmula minn xi biċċa njama jew zokk oħxon imdendla ma’ siġra jew post ieħor li jippermetti, u li fuqha t-tfal kienu jgħaddu ġurnata jitbandlu. Tradizzjoni li numru ta’ anzjani forsi jiftakruha, imma li ftit kienu konxji tat-tifsira simbolika qawwija li kien fiha.

Hemm xebh bejn it-tlugħ tal-bandla ’l fuq u t-tlugħ ta’ Kristu wara l-qawmien. Imma, iktar profond minn hekk, il-moviment sħiħ tal-bandla—’il fuq u ’l isfel, min-naħa għall-oħra—iħażżeż fl-arja quddiemna l-misteru sħiħ tas-salvazzjoni: l-Iben li minn ħdan il-Missier joħroġ u jinżel fid-dinja, jieħu ġisem bħal tagħna biex permezz tiegħu jwettaq il-fidwa, u, meta din isseħħ, jerġa’ lura fi ħdan il-Missier, mhux biss bid-divinità tiegħu imma wkoll bl-umanità sħiħa tiegħu. Huwa wkoll il-moviment li nesperjenzaw aħna fil-ħajja tagħna. Bħala ħlejjaq maħluqin xbieha tiegħu u, iktar u iktar, permezz tal-magħmudija, aħna nafu l-bidu tagħna f’Alla u, tul il-mixja tal-ħajja tagħna, nagħrfu li din mhijiex vjaġġ fil-vojt imma hi pellegrinaġġ li permezz tiegħu nerġgħu naslu lura f’darna, fejn wasal qabilna Kristu.

Għalkemm din it-tradizzjoni ntilfet, tkun ħaġa sabiħa jekk il-ħarġa f’dan il-jum tinkludi mawra sal-bandli sabiex niftakru u nfissru kemm liċ-ċkejknin u kif ukoll lilna nfusna s-sbuħija tal-misteru li din il-festa tfakkar.