Snin ilu, fil-knisja fejn prattikament trabbejt, fil-lejl tal-Milied kont għamilt il-prietka tat-tifel. Għaddew ftit tas-snin issa u naħseb li nista’ ngħid li kbirt xi ftit, mhux wisq fit-tul imma ħafna fil-wisa’, naqas ix-xagħar, spiċċajt bid-daqna qisni xi wieħed mill-Patrijarki tat-Testment il-Qadim u beda ħiereġ l-abjad ukoll (li nittama li ma jagħtix daqshekk filgħajn daqskemm ninduna bih jien meta nħares lejn il-mera). Jiena ma tantx jien bniedem nostalġiku jew sentimentali, imma dis-sena nixtieq inġedded l-istess memorja tal-prietka, jew forsi wkoll ta’ xi poeżija li konna ngħidu meta l-purċissjoni tal-Bambin tasal fil-Qasam tal-MUSEUM, bil-kliem tal-lum, u b’ċirkostanzi u f’dinja kompletament differenti minn dik ta’ tfuliti. Se nibda dil-prietka tat-tifel li hemm fija:
Inbennek nixtieq, o Ġesù Bambin,
u nħaddnek ma’ qalbi, imm’issa kbirt
w għallimt u għext, qatluk u qomt rebbieħ
iġġorr il-pjagi.
Ma nistax inbennek, Ġesù Bambin,
għax il-ġibs kiesaħ u lewnu qarrieq,
u int ma tgħammarx f’das-statwi jixbhuk,
ġol-Bambin m’intix.
Fejn staħbejtli allua, Mulej, fejn staħbejtli, għid, f’dan il-Milied li fih imkien ma nista’ nsibek—Milied ta’ dwal u storbju, Milied tat-teatrin, ta’ gwerer u tilwim, u f’din l-art ħelwa tagħna li, flok lukandi ċkejkna sefgħet mimlija torrijiet u, flok l-għerien, għandha griebeġ li fihom suppost jistgħu jgħammru n-nies?
“Fejn qiegħed?” nistaqsik f’isimna lkoll għax, tassew, minkejja li ma naslu qatt li ngħidu li ma nemmnux, imma dak kollu li jiġri fina, fil-familja tagħna, madwarna, kollu jħallina xi ftit imgerfxin meta nqabbluh mal-fidi tagħna fik. Fejn qiegħed, meta hawn tant nies bil-ġuħ u mingħajr dar, anke f’din artna? Fejn qiegħed meta hawn tant għarwenin, imneżżgħin bħalek, eżatt kif twieldu, imma bl-innoċenza misruqa minnhom għax ġiet miċħuda lilhom jew irħewha huma? Fejn tkun meta nħossu s-sisien tagħna kollha jitheżżu, mhux mit-terrimoti imma mill-iskandli u min-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin u fl-umanità?
Għalfejn ma tgħaddix tħabbat fil-lukanda ta’ ħajti, imqarr jekk f’ġuf moħbi u tħabbat b’id felħana li mhix tiegħek? Inħossni bħal iblah nistenna bla ma titfaċċa, la fi kwiekeb feġġejja li għal ftit ħin jiddu u jdubu trab fix-xejn, u lanqas fil-ġenn ta’ ħajja li qed ngħixu li qed tagħmel lilna stess imġienen sabiex illaħħqu u ma jifdlilniex wisq ċans biex nistaqsuk fejn int u nippruvaw insibuk. Wara kollox, min minna għadu jsib ħin jistaqsik fejn qiegħed? Għandna xorti llaħħqu l-quddiesa tal-Ħadd bil-ħarba jew ta’ darbtejn fis-sena biss—fil-Għid u fil-Milied!
Fl-għajnejn vojta biss nilmħek, narak tista’ titwieled, l-għajnejn tal-qlub għatxana wkoll jekk ma jafux għalfejn qegħdin jitniehdu. Nagħrfek bla ma qatt nista’ narak fit-trabi li ma jwasslux biex tiddi x-xemx fuqhom jew nisma’ l-ewwel lefqa tagħhom—is-sinjal tal-ħajja. Nilmħek fl-għajnejn ta’ tfal ġa xjaħu li, xħin ħelwa toffrilhom, jilmaw. Nilmħek fl-għajnejn tal-qlub żagħżugħa li ġa sefgħu mitfija mill-ħeġġa għax id-dinja ġa belgħethom u, flok jagħtu l-keded lill-kbar sabiex huma wkoll jikbru, isibu ruħhom huma jieħdu ħsieb il-kbar li għandhom wisq inkwiet biex ikollhom ħin jinkwetaw fuq uliedhom li qegħdin jikbru. Nilmħek fl-għajnejn ta’ ġenituri muġugħin minħabba wliedhom morda, b’diżabbiltà u allura inkwetati fuq il-futur, jew ulied bla rispett minkejja dak kollu li rċevew, jew fl-għajnejn ta’ dawk li jixtiequ jkunu ġenituri u ma jistgħux. Nilmħek fl-għajnejn xwejħin li daħlu fit-tieni tfulija għax dgħiefu b’piż l-imgħoddi …
F’għajnejja wkoll hekk nilmħek, meta fil-mera nħares u baħħ ta’ dlam biss nara: dagħbien li jistenniek biex tninni ġewwa fih bħal ġo maxtura …