Fil-pittura magħrufa bħala Pala di Santa Lucia de’ Magnoli u li llum hi miżmuma fil-Galleria degli Uffizi ġewwa l-belt Taljana ta’ Firenze, madwar il-Madonna bil-Bambin, barra lil San Franġisk u San Żenobju, insibu wkoll il-figuri ta’ San Ġwann il-Battista u Santa Luċija. Għalkemm hemm raġuni storiko-kulturali li torbot lil dawn il-qaddisin flimkien, anke ż-żmien liturġiku li fih niċċelebraw il-festa ta’ Santa Luċija—l-Avvent—bla ma rridu joħloq rabta intima ta’ xebh bejniethom.

Alla tul l-istorja tkellem permezz ta’ profeti. Ġwanni l-Battista kien “il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Ġw 1, 23). Santa Luċija wkoll kienet bħal “leħen” misluf lil Alla biex il-Kelma ta’ Alla tasal lil Pascasio, il-prefett ta’ Sirakuża—bniedem li kien spiritwalment u moralment vojt, li ried jeqred il-Knisja. Għal Ġwanni l-Battista l-persekuzzjoni ta’ Erodi kienet okkażjoni biex hu jagħti xhieda ta’ dak li kien jemmen fih. Bl-istess mod, għal Santa Luċija l-persekuzzjoni kienet “opportunità” biex hija xxandar l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Alla jinqeda b’Luċija biex jikxef it-taħsir tal-istituzzjoni meta din ix-xebba Sirakużana ċċarrat il-maskra ta’ Pascasio u tgħidlu li hu kien il-kawża tal-ħsara fis-soċjetà. Meta Pascasio jipprova jsikket lil Luċija biex indirettament isikket lil Alla, b’wiċċha minn quddiem Luċija tgħidlu li huwa impossibbli li wieħed iqiegħed sarima fuq il-fomm li jxandar l-għerf ta’ Alla.

Pala di Santa Lucia de’ Magnoli tal-pittur Taljan Domenico Veneziano

Billi l-Kelma ta’ Alla taqta’ bħal xabla b’żewġt ixfar, il-bniedem li ma jridx jisma’, jistħarreġ l-identità tal-leħen—jitolbu l-kredenzjali—biex, jekk jirriżultalu li hu l-eku ta’ Alla, jipprova jitfih. Quddiem il-Battista, xhud tal-verità, il-kultura uffiċċjali tiddefendi lilha nnifisha u titolbu jgħid b’liema awtorità kien qed jitkellem. Proprju għaliex beżgħu li kien ġej mis-sema, staqsewh jekk kienx il-Messija, Elija jew wieħed mill-profeti!

L-istess jagħmel il-Prefett ta’ Sirakuża ma’ Luċija meta jistaqsiha jekk kellhiex l-Ispirtu t’Alla fiha—bħal donnu ried konferma jekk il-leħen tagħha kienx qed jikser is-skiet ta’ Alla! U din iż-żagħżugħa konvinta ma tibżax tistqarr li hija l-“qaddejja Mulej,” li kien assigura lid-dixxipli tiegħu biex ma joqogħdux jaħsbu minn qabel kif se jiddefendu ruħhom quddiem is-setgħat tad-dinja, “għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih” (Lq 21, 14). It-tweġiba ta’ Luċija hija konferma li, minkejja li l-Insara jkunu mħabbtin u f’minoranza, Alla ma jitlaqx lill-bniedem għal riħu, imma jibqa’ jkellem lil qalbu!