F’dawn l-aħħar ġimgħat kont irtir il-Mellieħa u, fi rtir, jekk ma tmurx mixja tajba kuljum faċli titlef il-konċentrazzjoni u tieqaf timxi ’l quddiem fil-mixja wara Ġesù. Waħda mill-mixjiet li għamilt ħaditni lejn l-Aħrax tal-Mellieħa—post li jiġbor flimkien għelieqi u blat, xagħri u msaġar żgħar, u fuq kollox kappella sempliċi għal kollox u statwa tal-Madonna fuq kolonna kaħla bħal donnha qed tħares lejn tlugħ ix-xemx.

Din il-kappella ċkejkna għandha bħal seħer fuqi, mhux għall-majestrija arkitettonika tagħha, imma proprju għax, fis-sempliċità tagħha, f’tarf il-gżira tagħna hemm post ta’ qima li jibqa’ miftuħ lejl u nhar, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum; post ta’ kenn qalb il-ħruxija tal-Aħrax tal-Mellieħa, espost kif inhu għall-element, bl-irwiefen dejjem jobormu u l-melħ li jiksi l-ġilda. Imma qalb dik il-ħruxija, permezz ta’ dawn il-matlab u statwa ċkejknin, hemm l-imħabba ta’ Omm li, bir-rifsa tagħha fuq ras is-serp qarrieq u miksija bis-sbuħija tal-qamar, qiegħda tħares lejn din il-blata f’nofs ta’ baħar.

Dan ix-xenarju hu xbieha mill-isbaħ ta’ xi tfisser it-tama: mhux li ma nidħlux fit-tiġrib, imma li, fit-tiġrib tal-ħajja u qalb il-ħruxija tar-realtà li xi minn daqqiet tħallina ma nistgħux nemmnu dak li naraw, nisimgħu u nġarrbu, Alla għadu jħarisna u jurina mħabbtu permezz ta’ Marija li, bl-ewwel “Iva” tagħha, ma reġgħetx lura mill-missjoni tagħha li tkun omm—missjoni li ssir ħaġa waħda man-natura tal-mara li ssir omm, sew jekk b’mod bioloġiku u sew jekk b’mod spiritwali u professjonali. U hija din l-oasi li tippermettilna nkomplu l-mixja anke meta t-triq tkun imħarbta jew għat-telgħa.

Mhux minkejja l-aħrax tal-ħajja li nġarrbu, imma proprju hemm, fl-aħrax, li nesperjenzaw l-ikbar imħabba sew ta’ Alla u sew tagħna li, bħal Marija, nibqgħu miftuħin għall-intervent ta’ Alla u l-istennija għal-laqgħa miegħu wkoll meta ħajjitna tkun iktar qisha deżert ta’ apatija, nuqqas ta’ motivazzjoni, u qtigħ il-qalb. M’għandniex għalfejn! Is-serp tal-ħażen intrifes, il-fidwa seħħet u rebħet l-imħabba.