Fis-sena Ċ, il-Knisja tagħżel il-figura tar-Ragħaj biex tfissrilna s-sentimenti, l-emozzjonijiet u l-attitudnijiet tal-Qalb ta’ Alla magħmula laħam. Figura li turi s-sentimenti ta’ mogħdrija u ħniena ta’ Alla li twasslu biex ifittex u jħaddan lill-midneb. Figura li tagħmel stqarrija ta’ fiduċja fil-gwida u t-tmexxija ta’ Alla: la l-Mulej hu r-ragħaj tiegħi allura xejn ma jonqosni, kif nistqarru fis-Salm Responsorjali. Figura li turina, b’mod speċjali fl-Ewwel Qari, li Alla fil-qalb umana tiegħu jagħraf jimxi ma’ kull wieħed u waħda minna bil-pass tagħna: “Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija.” Figura li tfakkarna li l-ilmijiet u l-għejun li jisqina minnhom Alla mhumiex ilmijiet kwalunkwe jew ilmijiet imdardra bħalma nfittxu aħna meta nippruvaw naqgħtu l-għatx tagħna għal rasna, imma l-ilmijiet li jnixxu mill-istess Qalb minfuda: l-ilmijiet tal-grazzja, l-għejun tas-Sagramenti, li jaħsluna u jaħjuna, inaddfuna u jqawwuna għall-vjaġġ.
U l-fiduċja tas-Salmista f’din il-qalb ta’ ragħaj ġejja miċ-ċertezza li, “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.” Il-kelma użata fil-lingwa oriġinali ma tfissirx biss f’xi wied fejn hemm nuqqas ta’ dawl għax ix-xemx qajla tasal, imma hija kelma li timplika dell il-mewt: il-wied ta’ dlam il-mewt, u allura ċ-ċertezza tas-Salmista li lanqas fil-mewt mhu minsi, mhu waħdu. U din il-kelma profetika tieħu qawwa u tifsira ġdida meta Alla sar bniedem u ħa qalb tal-laħam bħal tagħna għax tfisser li Alla nnifsu bil-qalb tiegħu ta’ ragħaj kien lest u seta’ jidħol fid-dlam tal-mewt u jinżel magħna mqar f’art l-imwiet sabiex jeħles minn hemm il-mejtin kollha.
U għalhekk, wara dak l-inżul, ma jifdal l-ebda mewt, l-ebda dlam, l-ebda nuqqas ta’ ħajja, l-ebda mard fiżiku u spiritwali, mentali u emozzjonali, li hu ’l barra minn din iċ-ċertezza li, fil-wied ta’ dlam il-mewt hekk kif inġarrbuh aħna, m’aħniex waħedna imma hemm din il-Qalb magħna li ħafna drabi ma teħlisniex mid-dlamijiet tagħna imma, bil-kebsa tal-imħabba tagħha, tkun bħal musbieħ li jirbaħ fuq id-dlam u jibqa’ magħna jurina t-triq biċċa biċċa, jurina l-pass li jmiss.
“Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi”: inti miegħi għax dħalt int stess f’dan id-dlam meta din qalbek kienet tħabbat bħal tiegħi hi u tterraq f’din l-art; int miegħi għax din qalbek waqfet tħabbat meta daħlet fil-mewt; int miegħi għax din qalbek għadha tħabbat bil-ħajja ġdida tal-qawmien li int kontinwament trid taqsam miegħi.