Hekk kif bdiet toqrod il-festa tal-Imnarja, ġietni kurżità nfittex ftit it-tifsira tal-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ appostli kbar tal-Knisja, kemm l-ismijiet tagħhom oriġinali, l-ismijiet li tawhom il-ġenituri tagħhom fir-rit taċ-ċirkonċiżjoni, tmint ijiem wara twelidhom (ma ninsewx li t-tnejn kienu Lhud), u kif ukoll l-ismijiet li ngħatawlhom wara l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu.

Nibdew bi Xmun Pietru. L-isem Xmun—isem Lhudi pjuttost komuni—għandu l-istess għerq tal-verb shama’, li tisma’, u allura hu isem marbut mas-smiegħ. Filwaqt li Pietru bil-Latin jew Kefa bil-Grieg it-tnejn ifissru ġebla jew blata mdaqqsa. Pietru jirċievi dan l-isem mingħand Kristu wara li jagħmel stqarrija ta’ fidi f’Ġesù bħala l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj, bħala l-mistenni mill-poplu ta’ Alla imma wkoll bħala Alla nnifsu li ġie qrib l-umanità. Pietru jista’ jirċievi dan l-isem u din il-missjoni li jkun il-blata proprju għax kien kapaċi jisma’ (Xmun) dak li l-Missier nissel f’qalbu permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Mill-banda l-oħra, Sawl, ukoll isem Lhudi tal-ewwel sultan li kellu l-poplu meta talab li jkun bħall-popli l-oħra maħkum minn bniedem u mhux iktar immexxi direttament minn Alla permezz tal-imħallfin u l-profeti tiegħu, litteralment ifisser “mitlub/mistoqsi minn Alla”, jiġifieri qisu xi ħadd qed jitlob, jistaqsi xi ħaġa, pjaċir, grazzja mingħand Alla. Għall-bidu Sawl, minkejja ismu, ma kellux dan il-ftuħ li jistaqsi lil Alla imma ħaseb li kellu hu l-verità kollha. Kien ċert minnu nnifsu u kien ċert li din is-setta tan-Nazzarenu kellha tinqered. Imma fil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu hu jsir Pawlu—Paulus bil-Latin tfisser żgħir, ċkejken—għax fil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu Rxoxt hu jagħraf iċ-ċokon tiegħu, jagħraf ix-xejn tiegħu hekk li ma jibqax jiftaħar iżjed bih innifsu imma jibda jiftaħar bis-salib ta’ Kristu.

L-isem li rċevejna fil-magħmudija jgħid ukoll xi ħaġa fuqna, jagħtina missjoni. Forsi tajjeb tkun taf xi jfisser ismek biex b’xi mod tagħraf ukoll postok fid-dinja, skont l-istadju tal-ħajja li tinsab fih. Imma, fuq kollox (anke għax ċerti ismijiet illum ma jfissru assolutament xejn ħlief ħsejjes bla sens), din il-festa tal-lum tistedinna biex, filwaqt li nħaddnu l-umanità tagħna għax minn hemm jibda jaħdem Alla, ngħaddu mill-passaġġ li għaddew dawn iż-żewġ appostli sabiex laħqu l-maturità nisranija tagħhom: li nibdew bis-smiegħ (smiegħ tal-Kelma ta’ Alla, smiegħ tal-kelma tal-proxxmu, smiegħ ta’ dak li hemm f’qalbna) sabiex minn hemm inkunu nistgħu ngħaddu għall-istadju li nsiru ġebel ħaj fil-binja tas-Saltna ta’ Alla għax nagħrfu x’qed jitlob Alla llum, issa, f’dan iż-żmien; u wkoll li nieqfu quddiem Alla u nitolbuh, nitkarrbulu, ninterċedu għal din id-dinja, soċjetà u Knisja li fihom ngħixu u minnhom nagħmlu parti, mhux b’sens ta’ superjorità li għandna r-risposti kollha imma bl-umiltà li aħna ggranfati ma’ verità li mhijiex tagħna imma hija l-Verità nnifisha, Ġesù Kristu.