Bħalissa ninsabu fi żmien taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi ġewwa l-knejjes u l-irħula tagħna. Waħda mir-realtajiet taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-festi hija l-qima tar-relikwa tal-qaddis jew qaddisa partikolari. Imma r-relikwi x’inhuma, u għaliex inqimuhom?

Il-kelma relikwa ġejja minn relinquo, ‘inħalli’ bil-Latin. Intant, ir-relikwi huma l-fdal tal-qaddisin, jista’ jkun xi biċċa mill-ġisem, jew inkella xi oġett li jew mess mal-qaddis jew inkella kien jintuża mill-qaddis stess. Infatti nistgħu nitkellmu fuq tliet gradi ta’ relikwi:

  • L-ewwel grad: partijiet mill-ġisem stess tal-qaddis. Dawn it-tip ta’ relikwi jitqiegħdu wkoll ġewwa l-blata tal-altar qabel ma jkun ikkonsagrat.
  • It-tieni grad: biċċiet mill-ħwejjeġ li kienu jużaw il-qaddisin, jew xi oġġetti tagħhom personali.
  • It-tielet grad: dawk l-oġġetti li jkunu messew mal-qabar jew inkella mar-relikwi tal-ewwel grad.

Il-qima tar-relikwi għandha storja twila fil-Knisja. X’aktarx l-ewwel dokumentazzjoni li għandna ta’ din it-tip ta’ qima hija fir-rakkont tal-martirju ta’ San Polikarpu, isqof u martri, li kien maħruq fl-amfiteatru ġewwa Żmirna fis-sena 155. Insibu wkoll li l-ewwel insara kellhom devozzjoni kbira lejn l-imkejjen partikolari li fihom kienu midfuna l-qaddisin, u ħafna drabi fuq dawn l-imkejjen bnew knejjes u postijiet tat-talb. Din il-qima lejn il-fdalijiet, jew aħjar lejn ir-relikwi tal-qaddisin, għadha preżenti sal-lum il-ġurnata.

Ġeneralment, fil-parroċċi tagħna nsibu relikwi tal-ewwel grad li jkunu miżmuma f’relikwarji u li fil-festa l-ġemgħa jkollha l-opportunità li tqim dawn ir-relikwi. Intant, nistgħu nitkellmu fuq tliet mumenti partikolari fil-festa li fihom jiġu meqjuma r-relikwi. Lejliet il-festa ssir it-transulazzjoni, li hija purċissjoni bir-relikwa għal fuq l-altar maġġur. It-tieni mument huwa dak tal-mutett jew, fejn hemm festa Marjana, tas-Salve, fejn, wara l-quddiesa tal-jiem tat-Tridu, Novena jew Kwindiċina, titkanta l-antifona u matulha tiġi inċensatha r-relikwa. It-tielet mument huwa dak tal-purċissjoni fejn wara l-kleru jkun hemm saċerdot bir-relikwa f’idu biex tkun miqjuma mill-qrib.

Forsi għalina jaf narawha ftit stramba kif l-insara li għandhom il-fidi fil-qawmien mill-imwiet kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem iqimu l-fdalijiet jew oġġetti tal-qaddisin. Madanakollu, jekk ikollna nifhmu ftit, nagħrfu kif ir-relikwi huma mod uman u tanġibbli ta’ kif aħna llum il-ġurnata jista’ jkollna kuntatt mal-qaddis jew qaddisa li tiegħu nkunu qed niċċelebraw il-festa. Iktar minn hekk, ir-relikwi huma turija ta’ kemm l-insara fil-qaddis jew il-qaddisa jsibu mhux biss mudell imma wkoll għajnuna fil-mixja tagħhom wara Ġesù.