Inti ma tafnix. Imma jista’ jkun li, bħali u bħal ħafna oħrajn, tbati biex issib il-ħin għall-mistrieħ tiegħek. Forsi għax mgħobbijin wisq u għandna ħafna trufijiet ma’ xiex illaħħqu. Forsi għax għandna l-illużjoni wkoll li aħna indispensabbli u ma jistgħux jgħaddu mingħajrna. Forsi għax xi ftit perfezzjonisti, u allura nippreferu nieħdu ftit iktar ħin u biċċa xogħol nagħmluha aħna u nagħmluha sew … bil-konsegwenza li dan il-ħin ikun qiegħed jittiekel minn ħin għal affarijiet oħra, fosthom il-mistrieħ.

U għalhekk, f’dan iż-żmien fejn ħafna minna jippruvaw jieħdu xi ftit tal-vaganzi, nixtieq inpoġġi għall-kontemplazzjoni tagħna x-xbieha Evanġelika ta’ Kristu li jistrieħ: Kristu li flimkien mal-appostli jfittex post imwarrab biex jistrieħu ftit; Kristu mxaħxaħ komdu fil-post tal-ikel fid-dar tal-ħbieb għeżież tiegħu Marta, Marija u Lazzru; Kristu mistrieħ meta jiġu t-tfal biex iberikhom.

F’dinja maħkuma minn ħafna ġenn, mill-enfasi li nkunu produttivi l-ħin kollu, min-nuqqas ta’ sabar mal-proċessi naturali, din ix-xbieha tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li jieqaf jistrieħ u kellu ħbieb u dar fejn kien jaf li l-bieb għalih kien dejjem miftuħ hija kelma qawwija għax, għalkemm isiru ħafna reklami ta’ vaganzi u safar, hekk li s-soċjetà donnha tippromwovihom—mentri fil-verità is-soċjetà qed tippermettilna waqfiet qosra u tħallina bla nifs fil-bqija tal-jiem l-oħra tas-sena. U kultant l-istess vaganzi tagħna jkunu mimlijin ġenn u ġiri ’l hemm u ’l hawn, l-aqwa li jirnexxili nieħu selfies ma’ kemm jista’ jkun postijiet differenti, u xorta nibqgħu nwieġbu l-mobile u l-emails, hekk li, għalkemm naqtgħu mir-rutina frenetika, xorta waħda ma jkunx żmien ta’ rikreazzjoni—żmien li fih bħal donna ninħolqu mill-ġdid. U jekk m’aħniex kapaċi nieqfu għall-mistrieħ tagħna li ġisimna stess jibgħatilna sinjali li neħtiġuh, aħseb u ara kemm m’aħniex kapaċi nieqfu biex nikkontemplaw il-misteru ta’ Alla, il-misteru tal-bniedem stess, it-tifsira u s-sens ta’ kollox.

U mingħajr din il-kontemplazzjoni, ħajjitna tkun biss magna għaddejja bla waqfien, u mhux ħajja umana mgħixa fil-milja vera tagħha. Ħajjitna ma tkunx qed tilħaq l-iskop aħħari tagħha: li tagħraf lill-Ħallieq tagħha u tgħix skont l-iskop li taha l-Ħallieq u hekk nilħqu l-milja tagħna, kull wieħed u waħda minna bil-mod tagħna, skont kif ħalaqna Alla, skont id-doni u l-kariżmi li tana, skont il-missjoni li fdalna.

F’dan iż-żmien fejn is-sħana stess bla ma rridu tmajnalna r-ritmu, tajjeb nieqfu tassew: li l-mistrieħ tagħna jkun okkażjoni biex nieħdu saħħitna u biex nerġgħu nitgħallmu nħarsu lejn il-ħajja mill-perspettiva ta’ Kristu; li bħal Kristu nagħrfu nieħdu ħsieb l-umanità tagħna għax hija dik li tagħmilna min aħna, bnedmin sħaħ, b’ġisem u ruħ, bl-ispirtiwali u bil-materjali, u huwa permezz ta’ dik l-istess umanità tagħna li nistgħu nwasslu l-Aħbar it-Tajba li ġie jwasslilna Alla magħmul laħam bħalna.