Ix-xahar ta’ Ottubru jfakkarna fit-talba prezzjuża tal-Knisja lejn Ommna Marija, it-talba tar-Rużarju. Din it-talba għandha storja rikka ħafna fejn, skont it-tradizzjoni, fit-tlettax-il seklu jingħad li Marija stess dehret lil San Duminku u tatu l-kuruna tar-Rużarju filwaqt li wriet ix-xewqa li l-insara jitolbu din it-talba. Matul iż-żmien din it-talba għaddiet minn numru ta’ bidliet u żidiet, biss jibqa’ l-fatt li din it-talba akkumpanjat lil bosta nsara matul dawn is-snin huma u jirriflettu fuq il-misteru tal-imħabba ta’ Alla għalina. Imma x’sens għandha din it-talba għan-nisrani tal-lum? 

Fl-1974, il-Papa Pawlu VI kiteb Eżortazzjoni Appostolika fuq il-Madonna, bl-isem Marialis Cultus (id-Devozzjoni Marjana). Din l-eżortazzjoni tiffoka fuq it-tmexxija tajba u l-iżvilupp tad-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija u hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet, bl-aħħar sezzjoni titratta b’mod speċjali fuq it-talb tal-Angelus u tar-Rużarju.

Papa Pawlu VI jenfasizza kif ir-Rużarju huwa prinċipalment mibni fuq l-Evanġelju b’mod speċjali fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni, fejn il-Verb ta’ Alla għażel li jsir bniedem bħalna. Infatti il-Papa jikteb hekk:

Ir-Rużarju ħa mill-Evanġelju t-tifkira tal-misteri u l-formoli ewlenin. Kif wieħed iħares lejn it-tħabbira ta’ ferħ tal-Anġlu u kif il-Verġni aċċettat bit-tjieba, ir-Rużarju jieħu l-ħsieb mill-Evanġelju dwar kif għandha tkun l-imġiba tal-insara li jgħiduh. Is-Sliema waħda wara l-oħra, tpoġġi quddiemna għal darb’oħra wieħed mill-misteri prinċipali tal-Evanġelju, l-Inkarnazzjoni tal-Verb, kif insibuh fil-mument importanti tat-tħabbira lil Marija.

Marialis Cultus, par. 44

Hawnhekk il-Papa jgħaqqad dak li n-nisrani jitlob fit-talba tar-Rużarju mal-imġieba ta’ ħajtu. Qabel kull posta tar-Rużarju, in-nisrani jpoġġi quddiemu l-misteru tal-fidwa tagħna, u dan mhux sempliċiment eżerċizzju tal-moħħ, iżda hija għażla li n-nisrani jgħix dan il-misteru f’ħajtu stess.

Infatti l-Papa jiġbed l-attenzjoni kontra l-mod kif ir-Rużarju jista’ jingħad b’mod mgħaġġel jew inkella mmekkanizzat, fejn dak li jitlob anqas biss ikun jaf x’qiegħed jgħid u x’misteri qiegħed jikkontempla. Għall-kuntrarju, in-nisrani għandu jagħraf kif, bil-meditazzjoni tal-posti tar-Rużarju, huwa jingħaqad flimkien ma’ Marija fil-misteru tal-fidwa tagħna.

Fl-aħħar ta’ din l-eżortazzjoni, Papa Pawlu VI juri r-rabta li hemm bejn ir-Rużarju u l-liturġija, fejn jgħid li t-talba tar-Rużarju tista’ tkun l-aħjar tħejjija biex wieħed mhux biss isir midħla tal-misteri ta’ Kristu imma wkoll sabiex jiċċelebrahom flimkien mal-komunità waqt il-liturġija.

Meta nitlob ir-Rużarju, kif nitolbu? Nagħraf nitolbu bil-mod u b’attenzjoni?

Liema misteru li nikkontemplaw fir-Rużarju nħossu importanti għal ħajti bħalissa, u għaliex?