Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu li s-sena liturġika mhux biss tilħaq il-milja tagħha fit-Tridu tal-Għid imma proprju ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni f’dan it-tridu ddawwal is-sena liturġika sħiħa. Minkejja li t-Tridu tal-Għid jiġi ċċelebrat fuq tlett ijiem (għalhekk triduum), fir-realtà liturġikament qegħdin fl-istess ċelebrazzjoni li tiġbor f’għaqda waħda l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.

It-Tridu tal-Għid iwassal għal tmiem iż-Żmien tar-Randan, erbgħin ġurnata ta’ preparazzjoni kontinwa għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni. B’hekk it-Tridu tal-Għid iwassal għall-qabar vojt u l-proklamazzjoni tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Għalhekk it-tridu mhux kwalunkwe ċelebrazzjoni, imma huwa ċ-ċelebrazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet u s-solennità tas-solennitajiet.

F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, il-quddiesa tfakkar fl-aħħar ċena ta’ Ġesù u b’hekk kemm fil-ħasil tas-saqajn tal-Appostli u fil-kmand li nħobbu lil xulxin, kif ukoll fl-istituzzjoni tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Il-kulur liturġiku huwa abjad li jissimbolizza s-solennità u l-qdusija ta’ din iċ-ċelebrazzjoni. Titkanta l-Glorja fil-bidu tal-quddiesa u wara jindaqqu l-qniepen li jibqgħu siekta sal-Vġili tal-Għid. Qabel it-talba tal-aħħar, il-Ġisem ta’ Ġesù jiġi mqiegħed fl-altar tar-repożizzjoni sabiex jiġi miqjum u adurat hemmhekk. Hija din l-adorazzjoni ta’ sahra hekk kif wara l-aħħar ċena Ġesù talab lill-Appostli biex jishru miegħu fl-ort tal-Ġetsemani.

Sbieħ il-Ġimgħa l-Kbira l-Knisja tosserva s-silenzju u anke l-importanza tas-sawm. L-azzjoni liturġika ta’ wara nofsinhar, proprju fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet: il-liturġija tal-Kelma; il-venerazzjoni tas-Salib imqaddes bil-kliem, “Araw l-għuda tas-Salib li fuqha ġie msallab is-Salvatur tad-Dinja”; u t-tqarbin. Il-kulur liturġiku huwa aħmar, il-kulur tal-martri li l-prinċep tagħhom huwa Kristu.

Is-Sibt Imqaddes il-Knisja tgħaddih fis-skiet, timmedita t-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, tishar miegħu mhux b’nuqqas ta’ tama iżda bi stennija kbira. Dan is-skiet jinħall biss fil-Vġili tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċelebrazzjoni, fejn il-Knisja tinfexx f’għanja ta’ ferħ tal-Għid. Din iċ-ċelebrazzjoni nistgħu naqsmuha f’erba’ sezzjonijiet:

  1. Iċ-Ċelebrazzjoni tad-Dawl: Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda fid-dlam  u mbagħad iċ-ċelebrant jixgħel il-blandun, li jissimbolizza lil Kristu rxoxt, u hekk kulħadd jixgħel ix-xemgħa mid-“Dawl ta’ Kristu”. Wara li l-Blandun jasal fuq l-altar, jiġi inċensat u jitkanta l-Exsultet, l-innu ta’ ferħ li jipproklama l-misteru tar-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub permezz tal-qawmien mill-imwiet.
  2. Il-Liturġija tal-Kelma: Wara l-Exsultet jinqraw seba’ lezzjonijiet u salmi mit-Testment il-Qadim li huma meħuda minn mumenti partikolari fir-rakkont tal-pjan tas-salvazzjoni. Wara titkanta l-Glorja u mbagħad tinqara l-Epistola, titkanta l-Hallelujah u jinqara l-Evanġelju.
  3. Ir-Rit tal-Magħmudija: Wara l-Omelija, l-ilma fil-fonti tal-magħmudija jiġi mbierek filwaqt li l-qassis jgħaddas il-blandun fl-ilma. Jekk ikun hemm xi katekumeni f’dan il-mumenti jirċievu s-sagrament tal-Magħmudija (u l-Griżma tal-Isqof jekk ikunu adulti). Wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tad-dħul fil-ħajja nisranija, il-ġemgħa ġġedded il-wegħdiet tal-magħmudija u wara huma wkoll jiġu mbierka bl-ilma tal-fonti tal-magħmudija. Wara jkun hemm it-talbiet tal-ġemgħa.
  4. Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika: wara l-liturġija tal-Ewkaristija tkompli bħal quddisiet oħrajn.

Nhar Ħadd il-Għid il-Knisja tkompli tiċċelebra l-Qawmien ta’ Ġesù hekk kif tkompli tiċċelebra matul l-Ottava tal-Għid kollha, jiġifieri għal tmint ijiem sħaħ.

Ieqaf u Aħseb

Ieqaf ftit matul dan it-Tridu tal-Għid u rrifletti fuq l-imħabba kbira ta’ Ġesù murija fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.