Itlob bil-Liturġija

It-Tieni Ħadd tal-Avvent

03/12/21

 

Ċelebrazzjoni fil-Familja tal-Mixegħla tax-Xemgħa tal-Avvent

Fid-dar, f’post xieraq, titħejja l-kuruna tal-Avvent: erba’ xemgħat f’forma ta’ ċirku, imżejnin b’xi weraq aħdar. Għalkemm mhux bilfors, tajjeb li dawn ix-xemgħat ikunu tlieta ta’ kulur vjola, u waħda ta’ kulur roża.

Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew matul il-jum tal-Ħadd, meta l-familja tkun miġbura kollha d-dar, isir dan ir-rit li fih, kull darba tinxtgħel xemgħa, hekk li minn darba għal oħra, id-dawl jiżdied: dan ifisser li Ġesù, li hu d-Dawl, qiegħed dejjem joqrob. Il-ġenituri jistgħu jagħtu din it-tifsira sempliċi lil uliedhom, biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar dan il-mument ta’ talb.

Matul ir-rit, wieħed mill-ġenituri jmexxi t-talb. Ġenitur ieħor, jew wieħed mill-ulied, jaqraw is-silta mill-Bibbja.

Tajjeb li kull membru tal-familja jkollu l-fuljett tat-talb.

Bidu

Meta tinġabar il-familja, ilkoll jagħmlu s-sinjal tas-salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. R/. Ammen.

Imbagħad wieħed mill-ġenituri jgħid:
Infaħħru lil Alla li għażel dak li fid-dinja hu dgħajjef
u lill-belt ċkejkna ta’ Betlehem għamilha l-benniena tal-Messija.
R/. Imbierek Alla għal dejjem.

Il-ġenitur jintroduċi ċ-ċelebrazzjoni billi jgħid:
Inkomplu l-mixja tal-Avvent fil-familja tagħna.
Illum se nixgħelu t-tieni xemgħa
li se tfakkarna fil-belt ċkejkna fejn twieled is-Salvatur tagħna,
u se tgħinna naraw kif il-ħelsien li ġab Ġesù huwa għad-dinja kollha.

Qari mill-Ktieb tal-profeta Mikea (5,1)

U int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Responsorju
Minn Betlehem għad joħroġ ir-ragħaj ta’ Iżrael.
R/. Hu jħabbar is-sliem lill-ġnus kollha.

Mixgħela tat-tieni xemgħa

Xi ħadd mit-tfal jixgħel it-tieni xemgħa, waqt li l-membri l-oħra tal-familja jgħidu flimkien:

Din ix-xemgħa se tixgħel fid-dar,
għax Ġesù ġej dalwaqt fuq din l-art!
Fil-grotta ta’ Betlem, fis-skiet,
se jimla ’l kulħadd bil-barkiet.

Il-ġenitur, wara li tinxtgħel ix-xemgħa, jgħid:

Nitolbu.
Missier ħanin,
it-triqat tiegħek mhumiex it-triqat tagħna,
għinna nimxu warajk,
biex nilqgħu kuljum lil Ġesù,
u agħmel li kull bniedem
jirċievi s-salvazzjoni tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
R/. Ammen.

Il-ġenitur jagħlaq ir-rit billi jgħid:
Il-Mulej Alla jberikna u jħarisna fl-imħabba tiegħu.
R/. Ammen.

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.