Is-Sibt li għadda ħadt sehem f’tieġ iċċelebrat bit-Taljan peress li xi ħadd mill-għarajjes huwa Taljan. U, biex jallaċċa ż-żewġ kulturi, kemm dik Maltija u kif ukoll dik Taljan—li bla dubju għal ħafna snin il-pont ewlieni bejniethom kien li ż-żewġ kulturi jsegwu l-istess stazzjonijiet televiżivi Taljani—il-qassis għamel referenza għal dak l-episodju tant popolari ta’ Fantozzi meta kellu l-parti tan-neputi u l-uniku eredi ta’ Lazzru. Billi kienu jgħixu bl-akkarija, mal-wasla tal-aħbar tal-mewt tiegħu, tant feraħ li ħaraq saħansitra d-dar għax issa kien sar sinjur. Imma meta jasal Betanja jsib lil Ġesù qiegħed iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Allura jdur fuq martu u jgħidilha, “Ejjew immorru lura d-dar.” U hi, maħruqa, twieġbu, “Liema dar?!”
Din il-mistoqsija ħallietna nistaqsi lili nnifsi l-istess mistoqsija retorika u kollha rabja ta’ mart Fantozzi: “Liema dar? Fejn hi dari?” Nista’ ngħid li jiena ffortunat u għandi saqaf fuq rasi, mentri qiegħed dejjem jiżdied in-numru ta’ dawk li jispiċċaw jgħixu fit-triq anke f’Malta tal-2023.
Ġesù, li ma kellu mkien fejn imidd rasu, fid-dar ta’ Marta, Marija u Lazzru kien iħossu milqugħ qisu f’daru. Dik il-familja kienet il-kenn tiegħu, il-post fejn iħossu maħbub—għax anke Ġesù kellu dan il-bżonn naturali li jħobb u jħossu maħbub, bżonn li hu parti fundamentali minn dak li tfisser tkun bniedem u li hu meħtieġ biex ngħixu ħajja bbilanċjata u b’saħħitha.
Jistgħu jkunu varji l-postijiet jew ir-relazzjonijiet fejn aħna nħossuna d-dar, fejn nistgħu ninżgħu l-ġakketta u l-kappell, u forsi anke ż-żarbun u nilbsu l-papoċċ ta’ ġewwa. Faċli li dawn l-ambjenti ma napprezzawhomx biżżejjed meta l-ħajja tkun għaddejja tajjeb. Imma kemm ikunu ta’ balzmu meta s-salib ikun fil-qrib u diġà qed inħossu t-toqol tiegħu!
Allura, fejn hi darek? Jista’ jkun li bħali xi kultant tħossok ma tista’ tistkenn imkien u ssib ruħek għarwien, mhux l-iktar quddiem il-bnedmin l-oħra, imma wkoll quddiem Alla, kif kien mislub Ibnu magħmul bniedem. Imma huwa f’dan il-‘post’ mill-inqas kenni u mill-iktar mikxuf li jeħtieġ insibu l-kenn tagħna meta donnu ma jifdlilna mkien fejn ninsatru, lanqas fil-Knisja. Din l-esperjenza tista’ ssir biss tagħna jekk aħna wkoll nagħmlu mezz li Kristu jħossu qisu f’daru għandna. U meta ma jifdal lanqas l-aħħar imramma fejn tistkenn, imbagħad tassew jirnexxilek tokrob il-kliem, “Fil-pjagi tiegħek aħbini,” u l-kustad minfud, li minnu ħarġet u fih tgħammer il-Knisja, isir darek …