Wieħed mill-karattri l-iktar magħrufa tal-awtur Franċiż Victor Hugo huwa bla dubju l-ħotbi tal-Katidral ta’ Notre Dame—ħlejqa sfigurata sa mit-twelid li fin-novella ġġarrab tmiem traġiku, għall-kuntrarju tal-verżjoni ta’ Disney li b’xi mod isib ruħu xorta waħda fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.

Tgħidli: “Imma dan x’għandu x’jaqsam maż-Żmien l-Għid li għadna kemm nibdew?” Għandu, u mhux ftit! L-Arċidjaknu Monseigneur Claude Frollo jsib it-tarbija proprju fit-Tieni Ħadd tal-Għid, magħruf ukoll bl-isem tal-antifona tal-introjtu tal-quddiesa (l-istess kif il-Ħdud tal-Ferħ fi Żmien il-Milied u Żmien ir-Randan jieħdu isimhom):

Ladarba intom bħal trabi għadhom jitwieldu, ixxennqu għal dak il-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni, hallelujah.

1 Pietru 2, 2

Il-Liturġija hawnhekk tuża traduzzjoni iktar antika minn dik ta’ San Ġrolmu (il-Vulgata) ta’ dan il-vers mit-Tieni Ittra ta’ Pietru. U għalhekk, bil-Latin l-Antifona tgħid hekk:

Quasi modo géniti infántes, rationábile, sine dolo lac concupíscite, ut in eo crescátis in salútem, allelúia.

Kienu proprju l-ewwel żewġ kelmiet tal-antifona li Frollo jagħti bħala isem lil din it-tarbija meta jgħammidha f’dan l-aħħar jum tal-ottava tal-Għid: Quasimodo. Fin-novella, l-awtur bħal donnu jipprova jidħol f’moħħ l-Arċidjaknu sabiex jikxef l-intenzjoni tiegħu meta jagħti t-tarbija dan l-isem pjuttost partikolari: forsi għax ried jimmarka l-jum li fih ġiet misjuba jew biex iktar jisħaq fuq kemm din il-ħlejqa kienet imperfetta u mhux kompluta. Imma bil-ġest tal-magħmudija—forsi wkoll bla ma jirrealizza—l-Arċidjaknu jagħmel stqarrija tad-dinjità umana ta’ din il-ħlejqa mgħaffġa.

Forsi aħna wkoll xi ftit aħna lkoll Quasimodo—imperfetti u mhux kompluti—imma fil-qalba tal-qalba tagħna hemm umanità u xebh ma’ Alla li jagħtuna dinjità. Għaldaqstant, l-aħbar it-tajba tal-Għid li terġa’ tiġi mġedda lilna fit-Tieni Ħadd tal-Għid titkellem proprju fuq kif din l-imperfezzjoni tagħna tista’ tilħaq il-milja u l-perfezzjoni jekk nixxenqu u nfittxu li ninsqew bil-ħalib safi tal-grazzja li tisqina l-Knisja fis-Sagramenti u fil-Kelma. Hu hekk biss li naslu biex, flimkien ma’ Tumas, nistqarru bla tlaqliq: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28).