Manweli, kemm nixtieq naqbad triqti lura d-dar. Wara kollox, donnu qisu qed jispiċċa kollox. Dak kollu li kien għażiż għalina safa’ mbattal mit-tifsira vera tiegħu u baqa’ biss qoxra. Sirna ngħidulu wirt kulturali u patrimonju, bħal donnu missirijietna ffissaw xi ħaġa u jeħtieġ tibqa’ hemm għal dejjem, donnha xi fossila ta’ dinosawru, u mhux fittxew risposta jew soluzzjoni li kienet taqbel mas-sitwazzjoni tagħhom, mal-ħtiġijiet tagħhom u, fuq kollox, mal-fidi u l-valuri tagħhom. U dil-qoxra, li kulma jmur issir iktar tlellex, qegħdin niggranfaw magħha għax dik l-unika ħaġa li fadlilna biex tagħtina xi forma ta’ identità. Għalfejn nippruvaw ngħidu li dak li jagħmilna min aħna mhumiex it-tradizzjonijiet ħelwa tagħna—dawk nagħmluhom aħna, mhux jagħmluna hum?  Lanqas mhuma s-simboli, il-kuluri u l-armi li nerfgħuhom quddiemna bħal donnhom xi stendard tal-gwerra, bla ma nafu il-gwerra li qed niġġieldu x’inhi: mingħalina qed niġġieldu kontra s-susa u l-moffa li tista’ taħbat għal dak li hu frugħa, flok nirrealizzaw li dak li verament jagħtina identità, jagħmilna min aħna, diġà tmermer kollu u tar mar-riħ.

Nagħlaq u mmur, kif għadu binhar. Se tiġi miegħi, Manweli? Hawn sieħbi wkoll miegħi li lanqas ismu m’għadu jiftakar għax, wara kollox, id-dinja tal-lum, filwaqt li tintilef qalb ir-ritratti bla kulur u musfara biż-żmien tan-nostalġija, fl-istess ħin qed tgħix bla memorja, mingħajr għeruq li jagħtuha n-nutriment u jżommuha ankrata f’postha, felħana għall-elementi u kapaċi tixrob mill-għajn tat-tajjeb.

X’se tgħid, Manwel? Għandek xi ħaġa x’tgħidilna biex forsi ma nibqgħux fis-skiet ta’ thewdin moħħna? Possibbli daqshekk biss għandek xi tgħidilna: dak li qalu l-profeti u missirijietna li l-għerf tagħhom inżommuh imħares sew fil-bibjoteki u l-arkivji, ’il bogħod minn fejn ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum? Jew se tgħidilna l-istorja tiegħek mill-ġdid, li nafuha u smajnieha kemm-il darba, u weħilna biss mal-Ġimgħa l-Kbira li, xħin jgħaddi l-Irxoxt, nerġgħu nibdew inħejju għal tas-sena ta’ wara?

Le, hux, mhux hekk se tagħmel! Mela x’se tgħid? Tgħaqqad l-istorja tiegħek u tagħna?! Interessanti din. Kif se tagħmel hekk? Kif se jirnexxilek? Ma nafux li ħajjitna qisha l-Kalvarju u li lkoll irridu mmutu? X’se tgħid ġdid? Biex se toħroġ?

Veru, għandek raġun. Ħa niskot u nħalli lilek titkellem. Anke dan ta’ miegħi, il-bniedem li nesa min hu u x’inhu l-iskop ta’ ħajtu, jixtieq jisma’ lilek. Nagħlaq ħalqi u nisma’ … nisma’ żewġ stejjer irrakkuntati flimkien, mhux bħal rumanz jew novella li jkollha l-ġrajjiet ta’ karattri differenti minsuġin f’ta’ xulxin, imma bħal donnu tiegħek iddawwal ukoll lil tagħna. Interessanti, imma sabar m’għandix. Id-dar fil-qrib. Il-jum wasal biex jintemm. Ma fhimtx wisq imma nixtieqek tibqa’ hawn miegħi, magħna …

Ibqa’ magħna għax il-jum wasal biex jintemm. Forsi veru, il-ġrajja tiegħek nibqgħu ma nifhmuhiex u l-ġrajja tagħna nibqgħu ma nifhmuhiex lanqas. Wara kollox, min jista’ jifhmek? U min qatt fehem lilu nnifsu għal kollox?

Imma dan l-anonimu ta’ maġenbi donnu qed jiftakar xi ħaġa. Xi ħaġa tkebbset f’qalbu u ftakar li missieru hu Adam. Hu bin Adam … Bniedem. Ftakar li maħluq xbieha tiegħek. Ftakar min Inti fi-verità sħiħa tiegħek, hekk trasparenti u għarwiena li quddiemha xi darba la konna nitmeżmżu u lanqas nistħu. U anke f’qalbi qisu qed inħoss xi ħaġa … naħseb dik li konna ngħidulha fidi, li tisboq kull frugħa umana li biha ma nhedewx nedhew u li kienet tassew tgħaqqadna flimkien, mhux għax tal-istess kulur jew għax ninħlew fin-nostalġija, imma għax kienet tagħmilna tassew aħwa u wlied maħbuba.

Inti għebt, Manwel, kif dejjem tagħmel meta tkun missejt lil qalbna u aħna nagħrfuk tassew b’min int: il-Mulej ħaj, il-Messija, l-Iben ta’ Alla li jġorr għall-eternità laħamna u l-pjagi tagħna. Hu Int li tagħtina identità u tiġborna flimkien. Inti li ħallejtilna l-ġrajja tiegħek u l-qawwa tiegħek bħala wirt f’idejna, fil-Knisja, biex inħaddmuhom tajjeb u nwasslu lil tant oħrajn li bħalna spiss jitgerfxu f’saqajhom u jaqgħu fid-dlam.

Ħa nerġa’ lura, Manwel, u nerġa’ niftaħ … anzi, nerġgħu niftħu beraħ għax issa lkoll skoprejna min aħna u l-memorja reġgħet intradditilna, mhux biex nixxenqu għal dak li kien imma biex tixħet dawl fuq l-issa u l-ġejjieni. Ħa nerġgħu niftħu u ma naqtgħux qalbna għax malajr tħott imma trid ħafna żmien u sabar biex tibni, u tħalli pedament sod lil ta’ warajk biex jibnu fuqu, fl-istess binja tas-Saltna tiegħek.