Jekk hemm kelma li kważi kull Nisrani fid-dinja jaf, hu ta’ liema rit jew lingwa differenti hu, bla dubju hi l-kelma Hallelujah. Fl-etimoloġija tagħha, din il-kelma Ebrajka hi ffurmata minn żewġ kelmiet: verb u nom. Il-verb hu l-verb Lhudi hillel li jfisser tfaħħar—verb użat mijiet ta’ drabi fil-bibbja Ebrajka. Mill-banda l-oħra, in-nom jah hu forma mqassra tal-isem ta’ Alla. Għalhekk il-kelma Hallelujah tfisser “tifħir lil Alla.” Il-forma tal-verb tista’ tirreferi għall-ftaħir ukoll.

L-aħħar ħames salmi tal-ktieb tas-Salmi huma salmi ta’ tifħir lil Alla u jużaw ta’ spiss din il-kelma. Salm 148 jibda bil-vers, “Hallelujah! Faħħru l-Mulej mis-smewwiet, faħħruh fl-ogħla smewwiet!” (v. 1), u jikkonkludi bil-kliem, “Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu; dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu. Hallelujah!” (v. 14). Is-sejħa għat-tifħir lil Alla mhijiex indirizzata lil Alla, imma hu l-ħolqien kollu li jiġi mistieden biex ifaħħar lil Alla.

Fir-rit Ruman, il-kelma Hallelujah hi assoċjata mal-ferħ. Qabel l-Evanġelju, il-ġemgħa tkanta l-Hallelujah biex hekk “il-ġemgħa tal-fidili tilqa’ u ssellem lill-Mulej li ħa jitkellem fl-Evanġelju” (Ordni Ġenerali tal-Missal Ruman, par. 62).