Fit-3 ta’ Mejju l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Filippu u San Ġakbu, Appostli. Għalkemm lil xi wħud mill-Appostli ssirilhom festa individwali, lil oħrajn issirilhom festa flimkien. Ir-rabta ta’ dawn iż-żewġ appostli flimkien ġejja mill-fatt li Papa Ġwanni III qrib is-sena 570 iddedika knisja f’Ruma lilhom—fejn illum hemm il-Knisja tas-Santi Dodici Apostoli. U l-festa tagħhom bdiet issir fl-1 ta’ Mejju, fl-anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja. Eventwalment il-festa tmexxiet għad-data preżenti b’mod partikolari sabiex iċċedi postha lit-tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem fil-ġurnata internazzjonalment iddedikata lill-ħaddiema.

L-informazzjoni dwar dawn iż-żewġ appostli hija skarsa, imma għandna xi ħjiel tal-personalità tagħhom mill-Iskrittura. Filippu jidher li dejjem kien mimli ħeġġa mhux biss biex hu jimxi wara l-Mulej imma biex iwassal lil oħrajn għand Ġesù. Imwieled bħal Pietru u Indrì f’Betsajda, fl-Evanġelju skont San Ġwann insibu li Filippu kien minn tal-bidu li Ġesù sejjaħlu biex jimxi warajh. U ma damx ma mar għand Natanael sabiex jgħidlu li kien sab lill-Messija mwiegħed (Ġw 1, 43-51). Qabel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, ikun fuq Filippu li Ġesù jdur sabiex jistaqsih minn fejn se jġibu l-ħobż biex jitimgħu lil dik il-folla hekk kbira ta’ nies (Ġw 6, 5-7). Kien ukoll għand Filippu li marru xi Griegi biex juru x-xewqa tagħhom li xtaqu jiltaqgħu ma’ Ġesù (Ġw 12, 20-22). Nistħajjel li Filippu kien bniedem fabbli li kont tħossok komdu tersaq lejh u tafdah. Għalkemm fid-diskors tal-aħħar ċena li se jinqara l-Ħadd li ġej (Il-Ħames Ħadd tal-Għid, Sena A) naraw li Filippu, minkejja li kien ilu daqshekk jimxi wara Ġesù, kien għadu ma fehemx li Ġesù huwa l-Kelma rivelatriċi tal-Missier (Ġw 14, 8-10), xorta waħda kellu l-kuraġġ li lil Ġesù jistaqsih dak li l-ebda Lhudi ma kien se jazzarda jistaqsi: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”

Mill-banda l-oħra, Ġakbu li jiġi ċċelebrat illum huwa Ġakbu ta’ Alfew (jiġifieri missieru kien iben Alfew, isem li jista’ jfisser persuna minn Naftali). Insejħulu Ġakbu ż-Żgħir skont it-titlu li jingħatalu fl-Evanġelju skont San Mark (15, 40) biex issir distinzjoni minn Ġakbu ħu Ġwanni u bin Żebedew. It-tradizzjoni Nisranija tqisu bħala wieħed mill-qraba ta’ Ġesù (ara Mt 13, 55; Mk 6, 3), u ommu kienet waħda min-nisa li rat l-aħħar sigħat ta’ Ġesù fuq is-salib (Mt 27, 56; Mk 15, 40). F’rabta ma’ dan, hu meqjus ukoll bħala l-istess Ġakbu li fl-Atti tal-Appostli u fl-Ittri Pawlini narawh bħala l-mexxej tal-Knisja ta’ Ġerusalemm, u wkoll hi attribwita lilu l-Ittra ta’ Ġakbu li nsibu fit-Testment il-Ġdid. Bħala mexxej, jidher li kellu żelu kbir għall-wirt Lhudi li wirtet il-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, minkejja li kienet fqira u ppersegwitata. Għalkemm jidher li n-nuqqas ta’ qbil fil-Knisja mhuwiex xi ħaġa ġdida, San Ġakbu jfakkarna li mhux aħna bdejna d-dinja u mhux se tispiċċa magħna. għaldaqstant jeħtieġ li, minn banda, nżommu l-għeruq tagħna f’posthom u, mill-banda l-oħra, dawn l-għeruq ma jżommuniex milli nikbru u nimirħu lil hinn anzi jsostnuna u jagħtuna identità.