L-Għid diġà ilu xagħar u nofs li għadda, imma fil-liturġija tagħha l-Knisja tibqa’ tuża ta’ kuljum il-kulur liturġiku abjad, ħlief meta tinzerta xi festa ta’ martri jew appostlu u nhar Għid il-Ħamsin, meta jintuża l-kulur aħmar. Il-lewn abjad huwa assoċjat mad-dawl, mas-safa, mal-glorja u mal-ferħ. Imma, ngħid jien, hemm għalfejn nibqgħu għaddejjin biha?

Iva, hekk meħtieġ. L-għażla tat-tul taż-żminijiet liturġiċi mhijiex arbitrarja imma hija marbuta mal-kronoloġija li nsibu fl-Evanġelji, b’mod partikolari dik tal-Evanġelksta San Luqa. Kemm fl-Evanġelju tiegħu u kif ukoll fl-Atti tal-Appostli nsibu li Ġesù għamel erbgħin jum jidher lid-dixxipli tiegħu hekk li huma setgħu jifirħu għax l-għarus kien għadu magħhom (ara Luqa 5, 33-39). Imma, anke meta Ġesù “infired minnhom u kien meħud fis-sema” (Lq 24, 51), minkejja li l-għarus kien ittieħed minn magħhom, xorta waħda nsibu li l-istennija tagħhom għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu ħamsin jum wara l-Għid kienet immarkata mill-ferħ u l-ħajja: jibqgħu magħqudin kuljum fit-talb u jagħżlu lil Mattia biex jieħu post Ġuda.

U aħna wkoll, f’dawn il-ħamsin jum nagħmlu mixja mal-Knisja tal-bidu hija u tagħmel l-ewwel passi tagħha fil-missjoni ta’ Ġesù li bagħtitha sa truf l-art kollha. Mhux kull pass kien suċċess, imma ħafna mill-ostakli nbidlu f’opportunitajiet, u ma’ kull bieb li ngħalaq infetħu oħrajn.

Huwa għalhekk li nibqgħu nilbsu l-kulur liturġiku abjad: għax aħna nafu li, minkejja li ma narawhx fiżikament l-Għarus għadu magħna u nistgħu nisimgħuh ikellim permezz tal-Kelma tiegħu u nġarrbu l-preżenza qawwija tiegħu permezz tas-sagramenti li permezz tagħhom aħna wkoll nirċievu l-Ispirtu s-Santu li jeħodna fil-vjaġġ tal-ordinarjetà tal-ħajja ta’ kuljum, meta naqilbu għall-kulur aħdar, fejn jeħtieġ li nibqgħu nilqgħu u nagħtu l-ħajja.