Sabiex tkompli tapprofondixxi l-misteru sħiħ tal-Għid, jiġifieri tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej u tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib għall-fidwa tagħna, il-Knisja fil-Ħames u s-Sitt Ħdud tal-Għid tippreżentalna wieħed mit-tliet diskorsi ta’ Ġesù waqt l-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu, hekk kif ippreżentata lilna mill-Evanġelista San Ġwann. Dis-sena jmiss kapitlu 15, li jdur madwar ix-xbieha tad-dielja. Imma Ġesù xi jrid jgħid eżatt meta jistqarr li hu d-dielja vera?
Id-dielja hija waħda mill-iktar pjanti u siġar komuni li ilha tiġi kkultivata għal millennji sħaħ fiż-żona ta’ madwar il-baħar Mediterran, partikolarment minħabba l-kundizzjonijiet ideali li dan ir-reġjun joffri sabiex id-dielja tagħmel il-frott. U, ovvjament, il-frott tad-dielja nafu għalxiex jintuża. Anke f’Salm 104, is-salmista jrodd ħajr lil Alla għall-frott id-dielja minħabba l-inbid “li jferraħ qalb il-bniedem” (Salm 104, 15). Tajjeb ngħidu wkoll li kienet xarba bla perikli fi żmien meta l-ilma mhux dejjem kien ikun pur biżżejjed u tista’ tixrob minnu b’moħħok mistrieħ li m’hemm l-ebda mostru fih. Il-proċess tal-fermentazzjoni tant ibaqbaq li, anke jekk bi żball jaqa’ xi insett mal-għeneb, żgur li m’għandu l-ebda tama li jsalva.
Imma barra dan l-element mill-iktar prattiku u qaddis, hemm kwalitajiet oħra tad-dielja li tajjeb inżommu f’moħħna. Il-kultivazzjoni tad-dwieli hija sinjal li poplu qed jgħix f’ċerta stabbiltà, m’hemmx gwerer, qiegħed fil-paċi f’artu. Mhux ta’ b’xejn li għal-Lhud il-ħsad tad-dwieli kien sinjal tal-barka ta’ Alla. U llum, meta jixorbu l-aħħar kalċi bl-inbid waqt l-Ikla tal-Għid, filwaqt li jbierku ’l Alla, jesprimu x-xewqa li s-sena d-dieħla jiċċelebraw l-Għid f’dinja ta’ paċi, f’dinja ta’ ħelsien għall-ħolqien kollu, u, fuq kollox, fil-belt ta’ Ġerusalemm. U anke meta ħareġ mill-arka, fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu li “Noè beda jagħmilha ta’ bidwi u ħawwel id-dwieli” (Ġen 9, 20).
Din l-istabbiltà hija meħtieġa għax il-kultivazzjoni titlob sforz u impenn kbir. Wara li titħejja l-għalqa billi l-ħamrija titnaddaf mill-ġebel li permezz tiegħu jibena l-ħajt tas-sejjieħ kemm biex jimmarka l-konfini u kif ukoll bħala protezzjoni mill-bhejjem, id-dielja mhux sempliċiment titħawwel darba u daqshekk imma titlob ħafna kura. Barra l-kura normali tal-ħrit u t-tneħħija tal-ħaxix ħażin, id-dielja teħtieġ żabra tajba kull sena sabiex jitneħħew il-friegħi mejta biex tkun tista’ tkabbar friegħi ġodda li jagħtu l-frott. U l-forma mserrpa taz-zkuk tad-dielja ma tippermetti l-ebda użu prattiku għall-friegħi mejta ħlief biex jintużaw bħala ħatab fin-nar, jew l-iktar l-iktar forsi bħala xi dekorazzjoni. L-injam tad-dielja mhuwiex tajjeb biex jinħadem.
Għaldaqstant, nistgħu nifhmu kemm hu serju l-kliem li jgħid Ġesù. L-ewwel nett, huwa kliem li jikxef ir-rabta tiegħu mal-Missier bir-rabta intima bejn il-bidwi u d-dielja tiegħu li titlob impenn sħiħ, sforz kostanti—u allura rabta ta’ mħabba li timpenja lill-persuni tat-Trinità Qaddisa b’mod sħiħ fl-offerta ta’ mħabba lejn xulxin, u li tfur fil-ħolqien u fil-pjan tal-fidwa fejn mhuwiex sempliċiment Kristu li jmut imma huwa wkoll il-Missier li joffri lil Ibnu stess sabiex jikseb lilna mill-ġdid.
Xbieha li turina wkoll li bħala friegħi fid-dielja vera li hu Kristu, bil-magħmudija aħna nidħlu f’din l-istess dinamika ta’ mħabba fi ħdan it-Trinità. Permezz ta’ Kristu aħna għandna l-ħajja, u l-frott li jġib fina l-Ispirtu Qaddis ġej min-nutriment u l-ilma li jgħaddi miz-zokk ewlieni li hu Kristu. U jista’ biss jimmatura dan il-frott jekk aħna nippermettu lill-Missier li jiżborna, iqaċċat minna l-ħażin, sabiex it-tajjeb ikun jista’ jisponta u jwarrad. Proċess li jfisser tislib ta’ kuljum u twaħħid mal-misteru tal-mewt ta’ Kristu li kontinwament jibqa’ joffri lilu nnifsu lill-Missier għalina ħalli wkoll nissieħbu minn issa stess fil-misteru ta’ Kristu li jqum mill-mewt u jagħti l-ħajja. Din hija l-unika stabbiltà—ir-rabta sħiħa ma’ Kristu—li nistgħu niggranfaw magħha f’dinja dejjem tinbidel u fi Knisja li wkoll għaddejja minn żmien ta’ sfida li jitlob li jitqaċċtu l-friegħi mhux tajba u li qed jaħlu l-enerġija tal-komunità għalxejn, sabiex it-tajjeb—it-tajjeb veru, it-tajjeb ta’ Alla u mhux xi tajjeb li jidhrilna aħna jew xi individwu ieħor—ikun jista’ jibqa’ jgħix u jgħajjex.
Dan hu li jeħtieġ li nitolbu għalina nfusna u għall-Knisja: ir-rabta sħiħa ma’ Kristu d-dielja vera sabiex, bil-provi tal-ħajja u anke dawk spiritwali, ninżabru sabiex l-Ispirtu tal-qdusija jkun jista’ jwassalna biex nagħmlu l-frott ħalli l-ferħ tal-qawmien ikompli jimla ’l qlubna u jfur fuq dawk kollha li jlaqqagħna magħhom u—għaliex le—nixorbu xi flixkun inbid tajjeb magħhom!