Kemm f’Ħadd il-Palm u kif ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira, smajna, rajna bl-għajnejn ta’ moħħna, u ġarrabna f’qalbna, il-ġisem tal-Mulej mejjet jiġi midluk bil-fwejjaħ u mkeffen fl-għażel sabiex jingħata difna denja ta’ sultan … imma ta’ sultan li miet bħal kull sultan ieħor li jmut. Tħalla jistrieħ fuq mitraħ imħaffer fil-blat u moħbi għal kollox minn għajnejna, kemm fil-kefen li satar lil ġismu, kif ukoll fil-blata li ġiet imrembla biex għalqet il-qabar, skont l-użanza ta’ kif kienu jsiru l-oqbra dak iż-żmien—kif għandna wkoll ħafna mferxin mal-gżejjer tagħna u jmorru lura għal millennji sħaħ.
Fejn mar Kristu? Ġismu baqa’ fis-skiet, imġeżwer u mxaħxaħ, jistenna li ruħu—bin-natura divina u umana tagħha—issib triqtha f’art l-imwiet … kemm ġismu u kemm ruħu jistennew din l-għodwa li fiha Alla jqajmu mill-imwiet (Atti 2, 24). Imma għalfejn jgħid hekk Pietru fl-ewwel diskors tiegħu. Ma kienx Ġesù Alla wkoll? Iva. Imma bħala bniedem kellu jistenna l-intervent tal-Missier għax hekk kienet timplika l-“Ikun li trid int” tal-Ġnien taż-Żebbuġ, meta ntelaq għal kollox fir-rieda tal-Missier.
Jasal l-ewwel jum tal-ġimgħa, u f’dan it-tielet jum, il-wegħda seħħet u l-Mulej qam wara t-taqbida tiegħu mal-mewt li rebaħha billi l-ewwel bħal donnu ħalliha tirbħu. Madankollu, il-Knisja, fl-għażla tal-Evanġelju għal Ħadd il-Għid, ma tlaqqagħniex mill-ewwel ma’ Kristu ħaj. Għall-ewwel, turina biss il-qabar vojt, il-faxex u l-maktur, u l-fwieħa qawwija taż-żjut li ma kellhomx jitqabdu mal-intiena tad-dekompożizzjoni tal-katavri għax ġisem il-Mulej ma rax it-taħsir.
U f’dan iż-żmien tal-Għid li fih inkomplu nifirħu bil-qawmien tal-Mulej għal seba’ ġimgħat sħaħ, inti wkoll, ma’ Pietru, permezz tad-dixxiplu l-maħbub għandek iċ-ċans li bil-menti tiegħek tidħol fil-qabar u tara l-kefen tal-għażel fin u tagħżel. Forsi l-għażla mhijiex jekk temminx li l-Mulej qam jew le. Kieku m’intix taqra dan l-artiklu.
L-għażla hija dwar x’se tagħmel b’din il-fidi. Tista’ tkun biss fidi ta’ nhar ta’ Ħadd jew tal-festi speċjali. Tista’ tkun fidi li tgħixha bil-ħajja “eżemplari” tiegħek. Imma tista’ tkun ukoll għażla li tħalliha tmissek fil-qalba ta’ qalbek; għażla li tħalli l-Mulej ikeffnek fi staru, tħallih ifejqek u jaħjik bil-fwejjaħ u l-ingwent tal-ħniena tiegħu sabiex inti wkoll sa fl-aħħar tasal li ċċedi, li tintreħa f’idejh, ħalli lilek ukoll, f’kull mument, f’kull ċirkostanza, f’dak kollu li qiegħed tesperjenzah bħala mewt, hu jgħaddik għall-ħajja hekk li bħalu tkun tista’ tħalli warajk il-liżar tal-mewt u toħroġ mill-qabar ħieles mid-dnub, safi mill-ġdid, tippassiġġa miegħu fil-ġnien ta’ Saltnatu.